Filmat – ħamsa mejta fl-ajruplan li ġġarraf fit-triq qrib l-ajruport

Ħames Franċiżi mietu wara li ajruplan li kienu fuqu ġġarraf fi triq qrib ir-runway ftit wara t-tlugħ tiegħu mill-ajruport internazzjonali ta’ Malta. Il-Gvern Malti eskluda li l-ajruplan iġġarrraf bi splużjoni. Il-Prim Ministru Joseph Muscat fi tweet dwar l-inċident qal li l-ajruplan kien Malta fuq operazzjoni ta’ sorveljanza mid-Dwana Franċiża kontra l-kutrabandu fil-Mediterran. L-incident seħħ quddiem għajnejn fost oħrajn bdoti tal-Air Malta u suldati u filmati tal-mument tad-diżgrazzja wrew l-ajruplan jixxaqleb fuq naħa waħda qabel iġġarraf u sar ħuġġieġa waħda. L-inċident wassal biex l-ajruport kellu jingħalaq għal kważi erba’ sigħat.

Sekondi wara li ajruplan tal-għamla “Fairchild Metroliner Mark 3”, irreġistrat l-Istati Uniti tal-Amerika u mikri lil kumpanija mil-Lussemburgu ħalla l-mitjar, għeleb fuq naħa waħda u niżel għal ġo triq fuq naħa ta’ Ħal Safi ħdejn ir-runway. Malli mess mal-art l-ajruplan sar ballun ta’ nar. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-sebgħa u għoxrin ta’ filgħodu.

Filmat li nġibed minn passiġġier abbord ajruplan tal-Air Malta, juri x-xena tal-biża’ hekk kif l-ajruplan ħa n-nar, bil-bdot jinforma minnufih lill-passiġġieri b’dak li kien qed iseħħ.

“Ladies and gentleman this is your captain speaking. Unfortunately, there has been an accident on the runway, the passengers on the right hand side can see the fire. I will keep you advices later on during the flight”, qal il-bdot lill-passiġġieri.

It-triq li fiha seħħ l-inċident tinsab ftit passi ‘l bogħod mill-barracks tal-Forzi Armati f’Ħal Safi u hi magħrufa sew mad-dilettanti tal-ajruplani li jintasbu hemm biex jiġbdu ritratti tal-ajruplani telgħin u neżlin. William Farrugia, żagħżugħ ta’ 19-il sena miż-Żurrieq, ra l-inċident iseħħ quddiem għajnejgħ. Viżibbilment taħt xokk, irrakkonta ma’ tvm.commt dawk il-mumenti.

“F’daqqa u l-ħin smajt l-iskrejjen tal-ajruplan, smajthom viċin, kulma tani ċans ħarist ’il fuq minn ġot-tieqa tal-karozza u malli miss mal-art sploda u spiċċa f’ballun tan-nar u dak il-ħin dort u soqt ’il bogħod għax bdejt nibża’ – kont pjuttost viċin.

“Kont qed nieħu r-ritratti  imma l-camera dak il-hin kienet diga ippakjata fil-karozza, kont lest biex nitlaq…. malli wasalt kulma kienu waslu huma l-ħaddiema ta’ salvataġġ tal-ajruport u ħadd iktar. Mal-ħin bdew jaslu tas-CPD, pulizija u ambulanzi imma sakemm wasalt jien kienu għadu qed jaqbad għax ipparkjajt viċin u kif beda jbatti erġajt ersaqt bil-mod”, qal iż-żagħżugħ.

L-ewwel fuq il-post, membri tat-taqsima tat-tifi tan-nar tal-ajruport u suldati li kienu fuq taħriġ. F’qasir żmien ingħaqdu magħhom membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, ambulanzi u Pulizija. Fit-triq setgħu jidhru biss fdalijiet tal-ajruplan u l-foam li ntuża biex intefa n-nar. Qalb it-tifrik, il-kadavri tal-ħames persuni li kienu abbord.

Il-Gvern qal li stqarrija li l-mejta huma kollha Franċiżi. Ġie spjegat li l-ajruplan kien Malta għal ħidma ta’ sorveljanza mid-Dwana franċiża li ilha għaddejja għal ħames xhur sħaħ bil-għan li jinqabdu rotot ta’ traffikar illegali ta’ kull għamla, inkluż traffikar ta’ persuni u droga. Il-Gvern qal li l-ajruplan kellu jirritorna ftit sigħat wara mingħajr ma kien ippjanat li jagħmel inżul f’pajjiżi oħra. Il-kadavri ttieħdu lejn il-kamra mortwarja tal-isptar Mater Dei, waqt li fuq il-post issoktat l-investigazzjoni tal-Pulizija, l-esperti tal-avjazzjoni u l-qorti.

Xi mezzi tal-media, mhux Television Malta, irrappurtaw li l-ajruplan kien Malta bħala parti mill-ħidma tal-Aġenzija tal-Fruntieri tal-Unjoni Ewropea, il-Frontex.  L-aġenzija Frontex ċaħdet mill-ewwel dawn ir-rapport. Din iċ-ċaħda saret ukoll mill-kap tal-politika barranija tal-Unjoni Ewropea, Federica Mogherini, li qalet li ma kien hemm ebda uffiċjali tal-Unjoni Ewropea involuti fl-inċident.

 

Aħbarijiet Oħra
Storja

Magna ta’ ajruplan tal-gwerra, li possibilment iġġarraf fit-Tieni Gwerra Dinija, kienet irkurprata minn qiegħ il-baħar fil-bokka tal-Port il-Kbir wara ħidma konġunta bejn l-Università ta’ Malta, Heritage Malta u l-Forzi Armati….

Teknoloġija

Wara l-ajruplani, issa anke l-vetturi bdew jiġu jiġu mgħammra b’kaxxa sewda, li normalment tkun f’nofs il-vettura. Għalkemm s’issa din mhijiex obbligatorja, aktar manifatturi tal-karozzi qed jinkluduha. Fost aktar miżuri biex…

Infrastruttura

Waħda mill-kawżi ewlenin ta’ ħruġ ta’ drenaġġ fit-triq u fil-baħar ġejja minn katusi tal-ilma tax-xita li qed jitqabbdu direttament mas-sistema tad-drenaġġ. Jirriżulta li ħafna ma jafux li dan hu l-każ…

NGOs

Seba’ għaqdiet mhux governattivi Maltin se jwettqu tmien proġetti fl-Afrika bl-għajnuna ta’ madwar nofs miljun ewro mill-programm tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Il-proġetti jvarjaw minn skola ġdida għall-bniet f’żona rurali…

Aktar