Edukazzjoni
Akkademiċi u membri tal-għaqdiet tal-Malti u l-Ingliż imħassba dwar ir-riforma proposta mill-MATSEC

Għadd ta’ lekċerers, akkademiċi u membri tal-għaqdiet tal-Malti u tal-Ingliż esprimew it-tħassib tagħhom dwar ir-riforma fl-edukazzjoni postsekondarja proposta mill-MATSEC.

Fi stqarrija, dawn spjegaw li din ir-riforma saret mingħajr konsultazzjoni wiesgħa biżżejjed. Insistew li lingwa barranija qed tiġi imposta fuq l-istudenti tard ħafna fl-edukazzjoni tagħhom, u dan mhuwiex se jgħinhom ikabbru l-għarfien kulturali tagħhom Ewropew jew ikabbru l-ħiliet lingwistiċi tagħhom.

Qalu li l-proposta tagħmel bil-maqlub ta’ dak li qed li tisħaq – li hemm bżonn bidla strutturali sabiex l-istudenti Maltin jiksbu l-ħiliet li jeħtieġu f’soċjetà Maltija li tagħmel parti minn soċjetà Ewropea.

Qalu li liż-żgħażagħ la tagħtihom l-għarfien kulturali Ewropew u dinji u lanqas il-ħiliet ta’ analiżi u espressjoni li jeħtieġu biex jgħixu, jistudjaw u jaħdmu f’Malta, f’Ewropa u f’dinja dejjem aktar kumplessi. Qalu li din ir-riforma:

(i) iċċaħħad lill-istudenti f’Malta mill-iżvilupp tal-għerf billi tenfasizza kważi esklussivament l-aspett komunikattiv,

(ii) timponi fuqhom lingwa barranija tard ħafna fl-edukazzjoni tagħhom, u

(iii) tnaqqsilhom l-importanza fit-tagħlim xieraq tal-ilsien nazzjonali, il-Malti, u tal-Ingliż, il-lingwa kouffiċjali ta’ Malta.

Stqarru wkoll li sabiex l-istudenti jtejbu l-ħiliet komunikattivi tagħhom, id-dokument tal-MATSEC qed jipproponi li s-Systems of Knowledge jingħata struttura ġdida li “tirrifletti integrazzjoni ta’ ħiliet komunikattivi u kulturali”, u b’hekk jinkludi t-tagħlim tal-Malti u l-Ingliż fuq livell komunikattiv biss. Iżda qalu li mhuwiex indikat fiċ-ċar x’inhu dan il-livell komunikattiv, mgħallem f’kulleġġi postsekondarji li joffru tagħlim fil-livell Intermedju jew Avvanzat. Skonthom, din il-proposta tneħħi l-enfasi fuq il-kitba u fuq l-għarfien tal-Malti u tal-Ingliż bħala lingwi, bil-konsegwenza li l-istudenti se jmissu ma’ ftit wisq mill-ħiliet li għarfien serju tal-Malti u l-Ingliż jagħtihom biex jirnexxu fl-istudji tagħhom ’il quddiem u fid-dinja tax-xogħol.

Qalu li l-proposta għandha tiġi riveduta b’mod għaqli wara konsultazzjoni serja.

L-istqarrija hija ffirmata mid-Dipartimenti tal-Malti fl-Università ta’ Malta u minn membri mid-Dipartiment tal-Ingliż fl-Università ta’ Malta (Dr Mario Aquilina, Dr Krista Bonello Rutter Giappone, Prof. Stella Borg-Barthet, Prof. Ivan Callus, Prof. James Corby, Dr Petra Caruana Dingli, Dr Giuliana Fenech, Dr Maria Frendo, Dr Marija Grech, Prof. Lydia Sciriha, u Prof. Peter Vassallo), mill-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa fl-Università ta’ Malta, mid-Dipartimenti tal-Malti u l-Ingliż fil-Junior College, mid-Dipartimenti tal-Malti u l-Ingliż fl-Iskola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi, mid-Dipartimenti tal-Malti u l-Ingliż fil-Kulleġġ San Alwiġi, mid-Dipartimenti tal-Malti u l-Ingliż fil-Kulleġġ De La Salle, mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, l-Akkademja tal-Malti, l-Għaqda tal-Malti – Università, l-Għaqda Qarrejja tal-Provi tal-Malti, l-Għaqda Poeti Maltin, l-English Speaking Union u l-Għaqda tal-Istudenti tad-Dipartiment tal-Ingliż.