Qorti
Akkużat li kisser il-bieb tal-eks sieħba u sawwatha b’injama

Raġel ta’ 35 sena tressaq il-Qorti akkużat li kkaġuna ksur lil mara, li żammha kontra l-volontà tagħha u li heddidha.

Destiny Ogbiede, Niġerjan li m’għandux fejn jgħix, ġie akkużat ukoll li jumejn ilu f’San Pawl il-Baħar għamel ħsara, fost oħrajn, fil-bieb ta’ barra tal-mara, u li kiser ordni ta’ protezzjoni biex ma jersaqx lejha.

L-Ispettur Godwin Scerri qal li l-akkużat, wara li kisser il-bieb ta’ barra tal-vittma, daħal għaliha b’injama u sawwatha.

Tliet snin ilu, ir-raġel, li kellu relazzjoni mal-vittma, kien instab ħati li għamel għaliha b’sikkina. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u baqa’ miżmum arrestat.