Qorti
Akkużat li lbieraħ ċempel lill-ex mara 11-il darba

Jason Attard ta’ 44 sena residenti Santa Venera baqa’ jinżamm arrestat wara li lbieraħ mit-8am sa tard filgħaxija allegatament ċempel lill-ex mara tiegħu fuq il-mobile personali tagħha mill-inqas 11-il darba u tard waranosfinhar segwiha bil-karozza sal-Mosta u kif wasal ħdejha beda jsaqsiha “ma’ liema raġel kienet sejra miegħu?”

Ir-raġel, li fil-Qorti qal li twieled l-Awstralja u jaħdem bħala installer, m’għamilx talba għall-ħelsien mill-arrest. Fil-Qorti, l-akkużat deher imbikkem hekk kif il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras għarfitu li kien se jibqa’ jinżamm arrestat għal mill-inqas 15-il ġurnata sakemm il-każ jinstema f’Qorti oħra u li kienet qed toħroġ ordni ta’ protezzjoni li biha ma jistax jersaq, ikellem jew jipprova jagħmel kuntatt mal-ex mara.

L-Ispettur Audrey Micallef spjegat li llbieraħ stess l-allegat vittma għamlet rapport fit-taqsima tal-vjolenza domestika tal-Pulizija u spjegat li l-allegat fastidju kien serju ħafna. Għall-akkużat deher l-avukat Joseph Bonnici.