Lokali
Akkużat li ppjana l-ħruq tal-vettura tas-sieħeb tal-ex tfajla – baqa’ miżmum arrestat il-ħabs fejn hemm missieru

Żagħżugħ ta’ 24 sena minn Ħaż-Żabbar ġie akkużat li ġimagħtejn ilu assoċja ruħu ma’ persuna oħra biex karozza tingħata n-nar fiż-Żejtun. Luke Vella ġie akkużat ukoll li kkaġuna biża’ li se tintuża vjolenza fil-konfront tal-ex tfajla tiegħu u s-sieħeb tagħha, li hu riċediv u li m’obdiex kundizzjonijiet tal-Qorti.

L-Ispettur Jeffrey Scicluna xehed li l-ex tfajla tal-akkużat allegat li l-imputat ftiehem ma’ raġel ieħor biex jaħarqu l-karozza tas-sieħeb tagħha. L-Ispettur Scicluna qal li dan ir-raġel identifika lill-akkużat bħala l-persuna li ħareġ bl-idea li jsir ir-reat.

Fil-Qorti, l-imputat qal li ma jaħdimx u li missieru qiegħed il-ħabs. Hu wieġeb mhux ħati għall-akkużi. Il-Maġistrat Ian Farrugia ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordna biex jibqa’ miżmum arrestat fil-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin.