Qorti
Akkużat li seraq minn għadd ta’ karozzi tul is-sajf li għadda

Raġel ta’ 36 sena li jgħix Ħal Safi tressaq il-Qorti akkużat b’serq minn karozzi. Stefan Cutajar ġie mixli b’seba’ kapi ta’ serq aggravat u b’attentat ta’ serq.

Fil-Qorti ntqal li fil-mira tal-akkużat kien hemm karozzi li kienu pparkjati f’Ħal Qormi, fil-qasam industrijali tal-Marsa, f’Ħal Luqa, f’Ħal Tarxien, f’Marsaskala u l-Marsa. Is-serq seħħ bejn Ġunju u Ottubru ta’ din is-sena.

Cutajar ġie mixli wkoll li kellu fil-pussess tiegħu oġġetti ta’ valur mingħajr ma ta spjegazzjoni wara li kien instab ħati ta’ serq fil-passat u li kiser il-probation.

Cutajar li qal li ma jaħdimx, wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u saret talba għall-ħelsien mill-arrest.

L-ispetturi Roderick Agius u Sarah Zerafa oġġezzjonaw minħabba r-rekord kriminali tal-akkużat. Qalu li ħareġ mill-ħabs f’Marzu li għadda, ingħata ċans b’ordni ta’ probabation u ma ħadux. Qalu wkoll li fadal xhieda f’jixhdu.

L-avukat difensur Yanika Bugeja qalet li l-akkużat għandu problema ta’ droga u li qed jindirizzha mas-Sedqa. Qalet ukoll li l-akkużat għandu wkoll problemi mediċi li jridu jiġu indirizzati.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u l-akkużat baqa’ miżmum arrestat. Il-Qorti ordnat ukoll li l-akkużat jingħata l-kura medika li għandu bżonn.