Qorti
Akkużat li tajjar lill-eks sieħeb tat-tfajla tiegħu f’Ħal Luqa u baqa’ sejjer

Hagen Azzopardi ta’ 25 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest, wara li llum ġie akkużat li weġġa’ gravi lil Josef Borg ta’ 27 sena meta tajru bil-karozza u baqa’ sejjer.

Il-każ seħħ nhar il-Ħadd li għadda fid-9.00pm, waqt il-festa ta’ Ħal Luqa, b’Azzopardi li nqabad mill-Pulizija fl-Imsida inqas minn siegħa wara. Flimkien miegħu kien hemm it-tfajla tiegħu, li wkoll ġiet miżmuma għal xi ħin.

Mis-seduta tal-lum ħareġ li Borg huwa l-eks sieħeb tat-tfajla ta’ Azzopardi, u li allegatament dan kien baqa’ jagħtiha fastidju.

Minbarra li tajjar lil Borg u saq b’mod perikoluż, Azzopardi kien akkużat ukoll li għamillu ħsara fuq oġġetti personali u li għamel ħsara wkoll fuq tliet karozzi ta’ terzi.

Azzopardi wieġeb mhux ħati u talab il-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet milqugħa b’għadd ta’ kundizzjonijiet, fosthom depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €1,500. Huwa jrid jiffirma wkoll l-għassa tal-Imsida tliet darbiet f’ġimgħa u ma jistax joħroġ bejn is-7.30pm u s-6.00am.

Il-Qorti kienet ippreseduta mill-Maġistrat Simone Grech, filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Paul Camilleri. Għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.

Ara wkoll:

Aġġornat: Persuna tittajjar f’Ħal Luqa, is-sewwieq jaħrab u jinqabad fl-Imsida