Negozju
Aktar għażla għall-konsumatur li jixtri onlajn b’liġi ġdida fis-seħħ

F’isem il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, il-Membru Parlamentari Ewropew Francis Zammit Dimech innegozja liġi ġdida li tippermetti u tissalvagwardja lill-intrapriżi żgħar u medji Maltin meta joffru s-servizzi u prodotti tagħhom onlajn.

Biż-żieda fl-użu tal-pjattaformi onlajn għax-xiri ta’ prodotti jew servizzi, in-negozji żgħar u medji qegħdin isiru dejjem aktar dipendenti fuq din l-għażla, ix-xiri onlajn.

Il-Parlament Ewropew daħħal fis-seħħ din il-liġi ġdida biex tissalvagwardja dawk in-negozji li jixtiequ jagħmlu użu mill-pjattaformi onlajn biex joffru l-prodotti/servizzi tagħhom lill-konsumatur.

B’din il-liġi fis-seħħ, il-konsumatur se jkollu aktar għażla u aktar valur għal flusu mentri għan-negozji se jinħoloq ambjent ġust u kompetittiv.

Il-MEP Zammit Dimech jemmen li għandha titkompla tiġi sfruttata t-trasformazzjoni diġitali u l-innovazzjoni u saħaq li se jibqa’ jaħdem għad-drittijiet u l-interessi tan-negozji Maltin fi sfond trasparenti u ġust.

Fi stqarrija, il-Membru Parlamentari Ewropew Marlene Mizzi qalet li prodotti mhux siguri mibjugħa onlajn jistgħu jkunu ta’ periklu għaċ-ċittadini u l-intrapriżi Ewropej speċjalment għat-tfal u l-anzjani.

Il-MEP Mizzi qalet li fatt li xi prodotti jafu jkunu perikolużi u l-kompetizzjoni inġusta li jaffaċċjaw xi kumpaniji kienu fuq nett fl-aġenda Ewropea f’dak li għandu x’jaqsam man-negozju u l-konsumatur. Għalhekk b’sodisfazzjoni hija laqgħet din il-liġi Ewropea li se tiżgura aktar rinfurzar u ġustizzja fis-suq uniku.