Aktar Maltin qegħdin jirrikorru għall-kirurġija plastika

Stħarriġ riċenti jindika li 78% tat-tfajliet u 56% tal-ġuvintur żgħażagħ jgħidu li ma jsibu l-ebda problema li jirrikorru għall-kirurġija plastika basta jidhru u jħossuhom aħjar. Biss meta persuna tirrikorri għal tali proċeduri, tkun qed tibdel l-identità tagħha?

Waqt ‘Popolin’ tkellimna ma’ Dr David Grech, tabib li spjega li ilu jagħmel dan ix-xogħol għal dawn l-aħħar għoxrin sena. Fl-opinjoni tiegħu l-pazjenti jew klijenti li jirrikorru għal dawn is-servizzi għandhom kull dritt li jmantnu jew itejbu d-dehra tagħhom; “hija talba li trid tiġi rispettata, għaliex il-psikoloġija tal-klijent tinkludi d-dehra tal-persuna – looking good and feeling good huma prijoritajiet li għandhom jiġu aċċettati”.

Mistoqsi mill-preżentatur jekk trattament ta’ kirurġija plastika għandux isir anke kontra l-parir tat-tabib, Dr. Grech saħaq li dak kollu rikjest mill-pazjenti għandu jiġi analizzat sabiex ikun aċċertat li jaqa’ fil-parametri ta’ mediċina u kirurġija sigura; “it-talba tal-pazjent trid tiġi kwadrata fis-sens ta’ dik li hu sigur u skond l-evidenza tal-mediċina”. Feature waqt il-programm wera każijiet ta’ kirurġija plastika estremi li saħansitra waslu għall-mewt ta’ persuna barra minn xtutna. B’riferenza għal dan Dr. Grech tenna li f’pajjiżna kull tabib jew speċjalista li jagħmel dawn il-proċeduri huwa liċenzjat u reġistrat skond il-liġi. Biss meta wieħed jagħżel li jmur barra minn Malta biex jagħmel dawn l-interventi speċjalment f’postijiet barra mill-Unjoni Ewropea, f’dak il-każ ikun qed jidħol f’ġurisdizzjoni differenti li mhux neċessarjament timxi mal-istandards Ewropej.

Żied jgħid li bħal kull operazzjoni, proċeduri kirurġiċi għandhom ir-riskji u l-implikazzjonijiet tagħhom. Għalhekk huwa fundamentali li wieħed jevalwa l-każ u jekk jara li hemm riskji sostanzjali li jistgħu jaffetwaw is-saħħa fiżika jew mentali tal-pazjent, hemmhekk għandu jingħata l-parir li l-intervent ma jsirx.