COVID-19
Aktar minn 11,000 persuna mietu s’issa mill-COVID-19

F’ħarsa madwar id-dinja, il-mejta minħabba l-Covid-19 telgħu għal aktar minn 11,100 persuna, bi Spanja ssir ir-raba’ pajjiż b’aktar minn elf vittma wara ċ-Ċina, l-Italja u l-Iran. Mill-mitejn u sittin elf li ġew infettati, aktar minn disgħin elf hu rappurtat li fiequ. Il-virus qed ikompli jitfa’ pressjoni kbira fuq l-Ewropa kollha iżda l-imxija issa qed tkompli tinfirex sew fl-Afrika, fl-Amerika u fl-Amerika t’Isfel. Fl-istess waqt, in-Nazzjonijiet Magħquda qed tistma li jekk il-pandemija se tippersisti, aktar minn għoxrin miljun post tax-xogħol jistgħu jintilfu madwar id-dinja.

Fi Spanja, is-sitwazzjoni tant qed issir kritika u titfa’ pressjoni fuq is-sistema tas-saħħa li lukanda ta’ ħames stilel fil-periferija ta’ Madrid qed tinbidel fi sptar għall-pazjenti infettati bil-virus li mhumiex daqstant gravi. Dan biex ikun hemm aktar spazju fl-isptarijiet pubbliċi li qed jitrattaw każijiet aktar gravi.

Fi Spanja, il-mejta żdiedu b’aktar minn mitejn u qabżu l-elf persuna.

Fl-Ewropa l-uniku pajjiż agħar minn Spanja huwa l-Italja fejn is-sitwazzjoni tant qed toħloq emerġenza li mill-ġimgħa d-dieħla l-vapur tal-passiġġieri ‘Splendid’ fil-port ta’ Genova se jinbidel fi sptar għall-persuni infettati bil-Covid-19.

Fil-Ġermanja, il-każijiet żdiedu għal 16,000 u wara l-istat tal-Bavarja, aktar stati ħabbru li min-nofsillejl li ġej, ir-residenti ma jistgħux joħorġu mid-dar jekk mhux għal raġunijijet validi.

L-Awstrija wkoll qed iżżid ir-restrizzjonijiet sat-13 ta’ April u multi sa €3,600 għal min jikser ir-regoli fosthom sidien ta’ bars u ristoranti li jippruvaw jiftħu l-bibien tagħhom għall-klijenti.

Fir-Renju Unit, qed jiżdied il-paniku fost ix-xerejja fost stennija kbira li l-Gvern se jżied ir-restrizzjonijiet u jieħu aktar miżuri ta’ kontinġenza.

Il-Prim Ministru Boris Johnson qal li hu fiduċjuż li l-virus jista’ jkun megħlub f’temp ta’ tliet xhur oħra.”I do think, looking at it all, that we can turn the tide within the next 12 weeks, and I’m absolutely confident that we can send coronavirus packing in this country, but only if we take the steps”

Fil-Lvant Nofsani, il-moskej inżammu magħluqa, bil-Musulmani jinġabru barra għat-talb tal-Ġimgħa.

Fuq in-naħa l-oħra tad-dinja, l-Istati Uniti u l-Messiku qablu li bil-għan li jrażżnu t-tixrid tal-virus, jimponu restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar bejn iż-żewġ pajjiżi.

Mike Pompeo, Segretarju tal-Istat Amerikan qal “United States and Mexico have agreed to restrict non-essential travel between our shared border”.

Fl-istess waqt, madwar 40 miljun resident f’Kalifornja ġew ordnati ma joħorgux minn djarhom filwaqt li fi New York, f’miżura bla preċedent, l-istabbilimenti kollha mhux essenzjali jridu jibqgħu magħluqa.

L-Arġentina sar l-ewwel pajjiz fl-Amerka t’Isfel li impona lockdown nazzjonali, bil-Kapitali Buenos Aires baħħ min-nies u l-karozzi. Sa issa fl-Arġentina ġew rappurtati 128 każ u tliet imwiet.

U waqt li miljuni madwar id-dinja qed isegwu l-istruzzjonijiet tal-esperti tas-saħħa biex jaħslu u jiddiżinfettaw idejhom, ir-refuġjati Sirjani fil-Libanu m’għandhomx sapun jew sanitizers biex jipproteġu lilhom infushom mill-coronavirus.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Ħames persuni nqabdu jiksru l-kwaraninta obbligatorja u ġew immultati tliet elef ewro kull wieħed. B’kollox saru 421 spezzjoni fl-aħħar 24 siegħa. Minn mindu bdew l-ispezzjonijiet, 40 persuna nqabdu jiksru l-kwarantina…

COVID-19

Intervistat fuq l-aħbarijiet ta’ Television Malta l-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, qal li l-Prim Ministru Robert Abela għal xi raġuni qiegħed jgħid li dan mhuwiex lockdown, meta fi kliemu, id-Deputat Prim…

COVID-19

Fi żmien ta’ ansjetà residenti ta’ triq fil-Fgura ħarġu bl-idea li jorganizzaw ċelebrazzjoni mużikali mill-gallariji biex iferrħu lil xulxin. U waqt li l-festi din is-sena mhux ser isiru, il-bandisti ta’…

COVID-19

Analiżi xjentifika mill-istatistiku Dr Vincent Marmara tal-każi tal-coronavirus fil-kuntest tal-miżuri meħuda mill-awtoriajiet tas-saħħa Maltin, tagħti stampa inkoraġġanti għax ir-rata ta’ infezzjonijiet minn persuna għall-oħra tbaxxiet. Iżda, Dr Marmara wissa’ li…

Aktar