X

Aktar minn 144Kg kokaina misjuba mid-Dwana

Qabda kbira oħra ta’ droga kokaina fil-Port Ħieles misjuba f’kontejners fi triqthom lejn żewġ pajjiżi fl-Ewropa.

Iktar minn 144 kilo droga kokaina nstabet minn uffiċjali tad-Dwana Maltija fi tfittxijiet fi 3 kontainers. Il-valur tad-droga fit-triq huwa stmat li jleħħaq kważi €16-il miljun.  Il-kontejners kollha telqu minn pajjiżi fl-Amerika t’Isfel.

Żewg kontejners minnhom kienu destinati għal Durres fl-Albanija u fihom instabu pakketti bid-droga kokaina li tammonta għal 48 kilo. Fit-tielet kontejner li kien għall-Port ta’ Bar fil-Montenegro nstabu iżjed pakketti bil-kokaina b’total ta’ 96 kilo.

L-operazzjoni bdiet dalgħodu u damet għaddejja 12-il siegħa.  Dwar il-każ għaddejja inkjesta maġisterjali waqt li l-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.

B’hekk it-total ta’ qabdiet tad-droga mid-Dwana din is-sena tela’ għal aktar minn 750 kilo, bil-valur tad-droga fit-triq jammonta għal €84 miljun.