Lokali
Aktar minn 16,000 negozju u self-employed se jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja biex iħallsu l-kera

Aktar minn 16,000 negozju u self-employed ser jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja biex iħallsu l-kera waqt dan il-perjodu tal-pandemija. Permezz ta’ din l-iskema n-negozji ser jingħataw bejn 2,500 u 7,500 ewro biex iħallsu l-kirjiet tagħhom, bil-Gvern qed jistma li din il-miżura se tiġi tiswieh madwar 45 miljun ewro.

Bil-għan li jittaffa l-piż minn fuq in-negozjanti u s-self employed waqt dan il-perjodu tal-pandemija, mill-ġimgħa d-dieħla l-Malta Enterprise se tkun qed tibda tħaddem skema ġdida ta’ rifużjoni tal-kirjiet. Il-kap eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia qal li dawk in-negozji li diġà qed jibbenefikaw mis-suppliment tal-paga huma eliġibbli għal din l-iskema.

”Ser jiċievu email u ser ikunu jistgħu japplikaw għall-iskema fuq is-sussidju tal-kera. Aħna qed nitolbu l-kuntratt tal-kera, narawh b’mod manwali u fuq perjodu ta’ sena jekk dak li jkun jilħaq l-2500 ewro. Malta Enterprise ser tkun qed tagħti refużjoni sa dak l-ammont, ovvjament jekk dak l-ammont ma jintlaħaqx kull sena jingħata l-ammont totali fuq il-kera.”

Mas-16,000 negozju u self-employed jistgħu japplikaw għal din l-iskema li għaliha l-Gvern qed jalloka mal-45 miljun ewro. Il-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri qal l-aktar li ser jibbenefikaw huma n-negozji żgħar. Sostna li dawk li ftehmu dwar il-kera qabel id-9 ta’ Marzu ser ikunu eligibbli għall-għajnuna li tvarja skont il-kobor tan-negozju u n-numru ta’ ħaddiema.

”Biex jibbenefikaw bis-sħiħ qed naraw li l-ammont ta’ negozju li jista’ jibbenefika, jekk għandu ħanut wieħed sa 2,500 ewro u jibqa’ tiela’ sa massimu ta’ 7,500 jekk għandek ħames negozji jew aktar però s-saħħa tagħha qiegħda primarjament għal dawk in-negozji ż-żghħar li huma l-qalb tal-attività ekonomika ta’ pajjiżna.”

Il-Ministru Schembri qal li l-iskemi mħabbra fil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika qed jiswew miljuni kbar ta’ ewro lill-Gvern, fosthom bl-għoti tas-suppliment tal-paga u r-rifużjoni fil-kontijiet tad-dawl, li huma ntiżi bil-għan li ma jintilfux impjiegi u jiġu salvagwardjati n-negozji.