COVID-19
Aktar minn 200 koppja tipposponi s-signor si minħabba l-pandemija

Il-pandemija ħarbtet il-pjani ta’ ħafna koppji li kellhom jiżżewġu f’dan il-perjodu ferm imfittex tas-sena u spiċċaw kellhom jipposponu ż-żwieġ tagħhom. Skont ċifri ta’ Identity Malta fl-aħħar xahrejn u nofs aktar minn 200 żwieġ ġew posposti minħabba l-pandemija.

Koppja li kellha tiżżewweġ is-Sibt li għadda ma ħallietx il-coronavirus jidħol bejniethom u iżżewġu xorta biċ-ċivil iżda pposponiet ż-żwieġ bil-Knisja u r-riċeviment darbtejn, l-ewwel għal Settembru imbagħad għal Lulju tas-sena d-dieħla bit-tama li sa dakinhar s-sitwazzjoni tkun ferm aħjar.

Brenda Jane Camilleri u Chris Vella kienu ilhom sentejn u nofs jippjanaw il-ġurnata tal-ħolm tagħhom, li jiżżewġu fit-23 ta’ Mejju 2020. Ippjanaw kollox sal-inqas dettal, għajr li kien se jkollhom jiżżewġu bil-maskri f’wiċċhom.

“Aħna ma konniex qed nimmaġinaw li xahrejn ilu meta konna daqshekk viċin għal finishing line u kellna l-inviti stampati, naf b’koppji li kienu f’sitwazzjoni agħar minna fejn mhux talli kellhom l-inviti stampati talli kellhom it-tieġ tlieta jew erbat ijiem wara u kellhom iħassruh, jiġifieri meta wieħed jikkunsidra hemm sitwazzjonijiet agħar minn tagħna, affarijiet ma tippjanahomx imma għalhekk tajjeb li tkun flessibli,” qal Chris Vella.

Il-koppja li ltaqgħet 11-il sena ilu fis-sixth form tal-kulleġġ ta’ San Alwiġi ma ħallietx il-pandemija tħarbtilha l-pjan oriġinali li tintrabat legalment bir-rit ċivili.

“Xtaqna xorta li nintrabtu flimkien u nagħmlu l-pass tagħna li dejjem xtaqna din is-sena u għalhekk iddeċidejna li għalissa mmorru għaż-żwieġ biċ-ċivil imbagħad li nkomplu li niżżewġu bil-Knisja s-sena d-dieħla u li nagmlu r-riċeviment li dejjem xtaqna,” qalet Brenda Jane Camilleri.

Skont ċifri mit-taqsima tar-reġistru taż-żwieġ ta’ Identity Malta, minħabba l-pandemija sa issa kellhom jiġu posposti mal-200 żwieġ li t-tnidijiet tagħhom kienu laħqu ġew ippubblikati. Madankollu hemm ħafna oħrajn li ma kienux ġew ippubblikati jew li kienu mistennija jsiru fix-xhur li ġejjin u ġew posposti jew saħansitra ħassru r-riċeviment.

Iċ-ċifri juru li bejn l-1 ta’ Marzu u l-25 ta’ Mejju li għadda saru 125 żwieġ bir-rit ċivili, imqabbel ma’ 279 fl-istess perjodu s-sena li għaddiet. It-tnaqqis fiż-żwiġijiet reiġjużi kien aktar drammatiku tant li minn 286 żwieġ fl-istess tliet xhur is-sena li għaddiet, din is-sena saru biss 18 x’aktarx fl-ewwel ġimgħatejn ta’ Marzu sakemm il-Knejjes waqfu l-funzjonijiet kollha.

Brenda u Chris spjegawlna li kienu ċaqalqu kollox għall-aħħar ta’ Settembru iżda ftit tal-ġimgħat ilu ddeċidew li jkunu aħjar li jipposponu ż-żwieġ bil-Knisja u r-riċeviment għal Lulju tas-sena d-dieħla.

“Kemm fl-ewwel darba li mexxejnih u anke fit-tieni darba li mexxejnih is-suppliers ikkoperaw magħna, issa kien hemm dati li ma setgħux u aħna kkoperajna magħhom, jiġifieri ma mexxejnihx għax-xahar li xtaqna inizjalment jiġifieri għal Mejju imma għal Lulju u dik kienet xi ħaġa li aħna ċedejna,” qal Chris Vella.

Waqt li kien hemm koppji oħrajn li għaddew minn sfidi u spejjeż akbar biex iċaqilqu l-ġurnata li tant ħadmu u ħolmu ghaliha, Brenda u Chris qalulna li tul din l-esperjenza baqgħu pożittivi u x’aktarx li dak hu s-sigriet għaliex jinsabu ħerqana aktar li ftit aktar minn 400 ġurnata oħra jiċċelebraw bl-istess mod li xtaqu li jiċċelebrawh is-Sibt li għadda.

“Iċ-ċirkostanzi forsi qed ikunu pjuttost negattivi pero minn kull ċirkostanza nistgħu dejjem insibu dak il-pożittiv li jferraħna u tapprezza aktar il-ħajja,” temm jgħid Chris Vella.

Aħbarijiet Oħra
Infrastruttura

Infrastructure Malta għażlet żewġ artisti u żewġ ditti tal-arkitettura minn Malta, Ċipru u r-Rumanija sabiex jipproduċu erba’ xogħlijiet artistiċi kbar għaż-żoni bis-siġar u passaġġi madwar il-flyovers tal-Marsa Junction Project wara…

Kultura

Il-parruċċani tas-Siġġiewi 320 sena ilu kkummissjonaw żewġ biċċiet tal-arti, kurċifiss u kwadru li flimkien jirrappreżentaw ix-xena tal-golgota fi tliet dimensjonijiet. Din l-opra tal-arti kienet saret f’Ruma. F’dan iż-żmien kemm il-kurċifiss…

Stejjer Umani

Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi illum qed jiċċelebra l-24 anniversarju tal-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu. Fuq il-paġna tiegħu fuq facebook, Fr Martin filwaqt li radd ħajt lil Alla għal dak kollu…

COVID-19

Ir-reġjun Spanjol ta’ Katalunja reġa’ mpona restrizzjonijiet biex irażżan l-imxija f’żona fejn jgħixu 210,000 persuna u fejn fl-aħħar jiem kien hemm żieda fil-każijiet ġodda ta’ coronavirus. Ħadd mhu se jitħalla…

Aktar