Saħħa
Aktar minn 20,500 persuna ħadu ż-żewġ dożi tat-tilqima kontra l-Covid-19

Fir-rigward tal-programm ta’ tilqim, sal-bieraħ l-għadd ta’ persuni li ħadu ż-żewġ dożi tat-tilqima qabżu l-għoxrin elf u ħames mitt doża. L-awtoritajiet qalu li sa issa b’kollox ingħataw 64,419-il doża.

Bħalissa għaddejjin żewġ proċessi ta’ tilqim; l-anzjani u l-gruppi vulnerabbli qed jirċievu t-tilqima ta’ Pfizer-BioNTech jew Moderna waqt li l-kumplament fosthom frontliners li ma jaħdmux direttament fil-qasam tas-saħħa qed jirċievu t-tilqima ta’ Astrazeneca.

Intant, fi tweġiba parlamentari għal domandi tad-deputat Maria Deguara, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li f’Malta u Għawdex hawn 23,191 persuna vulnerabbli, li aktar minn 13.6% minnhom diġà ħadu l-ewwel tilqima tal-Covid.

Żied li sal-lum ħarġu ‘l fuq minn 10,000 invit għall-anzjani ta’ bejn it-80 u l-84, li minnhom aktar minn 65% ħadu l-ewwel doża tat-tilqima. Qal li t-tilqim għal dan il-grupp għadu għaddej u għadhom qed jintbagħtu l-inviti għal dawn il-persuni li ma rċevewx l-invit id-dar.

Sadannitant, mal-85% ta’ dawk li għandhom iktar minn 90 sena ħadu l-ewwel doża u 62% ħadu ż-żewġ dożi; filwaqt li mad-90% ta’ dawk li għandhom bejn 85 u 89 sena ħadu l-ewwel doża u mat-68% ħadu t-tieni doża wkoll.