Lokali
Ripatrijati studenti bil-Covid u dawk qrib persuni infettati – qabżu l-400

Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, ikkonferma ma’ Television Malta li qabżu l-400 l-istudenti li kienu Malta u fl-aħħar jiem intbagħtu lura pajjiżhom. Spjega li s’issa saru żewġ titjiriet chartered: waħda medika bi studenti pożittivi għall-virus u oħra bi studenti li kienu negattivi għall-covid iżda kienu f’kuntatt ma’ xi ħadd pożittiv.

Għall-kumplament tas-Sajf, il-Ministru Bartolo spjega li fiċ-ċirkustanzi n-numru huma inkoraġġanti u jispjega għaliex jistenna li t-turisti li jżuru ‘l Malta jkunu adulti jew anzjani.

Fl-aħħar jiem, studenti barranin li kienu morda bil-Covid-19 jew ġew f’kuntatt ma’ persuni bil-covid intbagħtu lura pajjiżhom b’titjiriet ta’ ripatrijazzjoni.

Ma’ Television Malta, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Clayton Bartolo, qal li qabżu l-400 l-istudenti li ġew ripatrijati. Indika li aktar studenti se jintbagħtu pajjiżhom u qal li n-numru finali ikun magħruf ladarba jsiru t-titjiriet kollha ta’ ripatrijazzjoni. Il-Ministru Bartolo qal li d-deċiżjoni li jsiru dawn it-titjiriet ittieħdet wara diskussjonijiet li l-Ministeru u l-Awtorita’ tat-Turiżmu kellhom mal-ambaxxati tal-Italja, Franza, il-Ġermanja u Spanja.

“L-istudenti li kienu negattivi siefru permezz ta’ chartered flight normali. Ajruplan li ma marx għal destinazzjoni waħda biss, iżda konna qegħdin ngħaqqdu żewġ destinazzjonijiet jew inkella tlieta u mbagħad morna minn post għall-ieħor bl-istess ajruplan sabiex b’hekk innaqsu kemm nistgħu l-ispiża. Mill-banda l-oħra, l-istudenti li kienu pożittivi taru b’ajruplan apposta b’għajnuna medika fuq dak l-ajruplan għax kien hemm ċertu studenti li kien hemm iċ-ċans li jkollhom kumplikazzjonijiet u ridna nevitaw li jkun hemm dawk il-kumplikazzjonijiet u allura morna minn Malta għall-pajjiżi oħrajn.”

Staqsejna lill-Ministru Clayton Bartolo min qed iħallas għal dawn it-titjiriet.

“Dak hemmhekk hemm diskussjoni li hija għaddejja. Madankollu bħala pajjiż irridu naraw li nżommu r-reputazzjoni tagħna fl-ogħla livell u allura nagħtu l-għajnuna kollha possibbli sabiex Malta tibqa’ tissemma f’isem tajjeb.”

Dwar l-indikazzjoni għat-turiżmu fil-kumplament tas-sajf, il-Ministru Bartolo qal li t-turisti li se jaslu Malta issa jridu jkunu kollha mlaqqma u għalhekk jistenna ħafna anqas żgħażagħ/ Sostna li dan qed isir biex titħares is-saħħa tal-Maltin u tat-turisti nfushom.

“Ifisser li turisti għandhom eta’ żgħira mhux se jiġu hawn Malta għax nafu li madwar l-Ewropa żgħażagħ għadhom ma bdewx jitlaqqmu. Dawn il-pajjiżi għad m’għandhomx il-vaccine roll out bħalma għandna aħna hawn Malta. Allura jkollna turisti mhux avvanzati fl-eta’ imma fully vaccinated u n-numri għal din is-sitwazzjoni li ninsabu fiha huma pjuttost inkoraġġanti.”

Qal li minn diskussjonijiet mal-imsieħba fis-settur turistiku jidher li l-pajjiż qed jiffaċċja l-istess sfidi li għaddejjin minnhom pajjiżi oħra fl-Ewropa.