Lokali
Aktar minn 4,000 student se jiggradwaw mill-Università fi tliet ġimgħat

Xahar ieħor mil-lum ikunu bdew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-gradwazzjoni mill-Università ta’ Malta. Din is-sena, fi tliet ġimgħat se jiggradwaw l-istudenti li fl-aħħar sentejn temmew b’suċċess kors ta’ baċellerat jew diploma – aktar minn 4,000. Iċ-ċelebrazzjonijiet f’Tal-Qroqq jirritornaw fil-15 ta’ Novembru, b’arranġamenti speċjali għall-mistednin tal-istudenti.

Is-sena li għaddiet, il-pandemija ħassret iċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni.

Din is-sena ser isiru, bl-Università għaqqdet l-istudenti ta’ sentejn. F’26 ċerimonja li ser isiru bejn nofs Novembru u l-bidu ta’ Diċembru se jiggradwaw ‘il fuq minn 4,000 persuna li fis-sentejn li għaddew lestew kors fil-livell undergraduate. L-istudenti li temmew b’suċċess kors f’livell ta’ Masters jew Dottorat se jiggradwaw f’Marzu u April.

L-istess bħas-snin ta’ qabel, kull gradwat, se jingħata tliet inviti għall-mistiedna, li biex jidħlu jridu jkunu mlaqqma. Ir-rettur tal-Università, Alfred Vella, spjega li dawn mhux se jsegwu ċ-ċerimonja fl-istess post mal-gradwati, iżda permezz ta’ big screen f’żewġ tined armati apposta fuq il-kampus.

“Għandna żewġ tents, 300 kull waħda u l-istudenti se jkunu fil-gymnasium li għandna li jesa’ ħafna nies, imma fih se npoġġu bid-distanzi kif titlob il-liġi tas-sanità lill-gradwati kollha.”

Fiċ-ċerimonja nnifisha se jkun evitat it-teħid tal-idejn bejn l-amministrazzjoni tal-Università u l-gradwati l-ġodda.

Żorna xi ħwienet li jikru t-togi u sibnihom imħabbtin sew jikkoordinaw l-ordnijiet għal dawn iċ-ċerimonji.

“Id-domanda ta’ Graduations għall-kirjiet tat-togi żdiedet ovjament għax għandek sentejn sħaħ li huma, qed isiru f’litteralment 3 weeks almost, allura d-domanda żdiedet żgur.”

Minħabba f’hekk, bosta negozji qed ikollhom iħitu togi ġodda.

“Ġieli ma tlaqħħaqx li deħlin u ħerġin, allura jkollna nżidu x-xogħol, ikollna nħitu, kellna nħitu daqsxejn hu, speċjalment minħabba l-kuluri.”

L-ordnijiet jibqgħu deħlin sal-aħħar mument.

“Togi per season nikru ħafna, 1500 to 2000, imma f’daqqa ġieli jkollna 500 togi f’ġurnata.”

Skont is-sidien ta’ dawn il-ħwienet, l-iktar togi popolari huma tal-għalliema u tal-infermiera, iżda kull sena jkun hemm xi sorpriża ta’ kors li jsir iktar popolari mill-oħrajn.