Trasport
Aktar minn 4,000 użaw is-servizz tat-trasport b’xejn minn u lejn Wied iż-Żurrieq

Fl-ewwel sitt weekends minn meta nbeda s-servizz ta’ trasport ċirkulari b’xejn minn u lejn Wied iż-Żurrieq, in-numru ta’ persuni li għamlu użu minn dan il-proġett pilota qabeż l-4,000.

Il-proġett favur trasport sostenibbli fi tmiem il-ġimgħa hu ffinanzjat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

B’investiment ta’ €162,000, dan is-servizz jopera mill-Ħamis sal-Ħadd mill-10 a.m. sa nofsillejl bi frekwenza ta’ madwar 20 minuta.

Fi stqarrija ntqal li għal dan il-proġett pilota qed jintużaw żewġ xarabanks tal-Malta Public Transport immarkati ‘Destinazzjoni Wied iż-Żurrieq’ u li qed jiġbru passiġġieri minn San Niklaw/Il-Qasam qrib is-Siġġiewi u minn żewġ pjazez ewlenin, tal-Qrendi u taż-Żurrieq.

F’San Niklaw inħolqu spazji ta’ parkeġġi għal min irid iħalli l-karozza privata tiegħu hemm.

Is-servizz jopera simultanjament permezz taż-żewġ xarabanks bil-għan li jiffaċilita l-prattikabilità u l-frekwenza ta’ dan is-servizz.

Wied iż-Żurrieq hu kkunsidrat bħala post uniku u attrazzjoni turistika popolari ħafna.

Fis-sena 2018 żaru dan il-post madwar 475,000 turist, apparti l-eluf ta’ Maltin li jinżlu f’dan il-post għal raġunijiet varji, min għall-għawm, min għas-sajd u min għal xi ikla ħut f’xi wieħed mir-ristoranti li hemm.

Fl-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli kienet qalet li dan is-servizz se jkun qed jindirizza problema maġġuri, dik tal-parkeġġ, li kienet qed iżżomm lil ħafna milli jmorru Wied iż-Żurrieq.

Qalet li dan ġie kkonfermat minn stħarriġ tal-opinjoni pubblika kummissjonat mill-Ministeru għat-Turiżmu li wera li kważi 60% ta’ dawk li ġew intervistati sostnew li jsibu problema ta’ parkeġġ meta jinżlu Wied iż-Żurrieq.

Kien hemm 36% li qalu li jitilqu lura kif ma jsibux fejn jipparkjaw. Kważi 50% urew ix-xewqa li lesti jużaw servizz ta’ trasport mill-akwati tal-madwar flok jużaw il-vettura tagħhom.

Aħbarijiet Oħra

Heritage Malta ħabbret li se tkun qed tiftaħ għadd ta’ siti mix-xahar li ġej. Fi stqarrija l-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li l-aġenzija qed toħroġ b’inizzjattivi varji…

Raġel Franċiż ta’ 23 sena li joqgħod is-Swieqi weġġa’ serjament wara li fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu waqa’ f’San Ġiljan. Il-Pulizija kienet infurmata bl-inċident fi Triq Santu Wistin għall-ħabta tal-4.00am. Il-Pulizija tad-Distrett…

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu vettura ġdida biex tagħmilha iktar possibbli biex jiġu salvati nies jekk jinqala’ xi inċident f’bini għoli. Il-vettura nxtrat mill-Awtorità tal-Ippjanar hekk kif fl-aħħar snin żdiedu l-binjiet…

Aktar