Avjazzjoni
Aktar minn 50 konnessjoni bl-ajru ntilfu kawża tal-pandemija

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta qal li l-pandemija tal-Covid 19 ħalliet impatt sostanzjali fuq il-konnettività bl-ajru fejn fl-2020 intilfu aktar minn 50 konnessjoni bl-ajru biex madwar 70 biss baqgħu attivi. Qal li dawk li ntilfu jinkludu konnessjonijiet ma’ ċentri kbar bħal Doha u Dubaj. F’policy note, il-Bank Ċentrali qal li l-konnettività bl-ajru għandha rwol kruċjali biex ikun faċilitat l-iżvilupp ekonomiku permezz ta’ diversi mezzi, bħall-industrija tat-turiżmu u l-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru.

Il-Bank Ċentrali enfasizza li dawk li jfasslu l-politika għandhom jagħmlu ħilithom biex iżommu u jtejbu l-konnettività lejn ċentri kbar. Qal li waqt li l-pandemija ħassret numru sinifikanti ta’ konnessjonijiet diretti minn Malta, l-iżvilupp mill-ġdid ta’ dawn il-konnessjonijiet bl-ajru se jkun kruċjali għall-ekonomija biex tibbenefika mill-irkupru globali f’xenarju postpandemiku.

Il-policy note tal-Bank Ċentrali tanalizza wkoll il-livell ta’ attività ta’ diversi linji tal-ajru, xenarju li qalet inbidel dramatikament mill-2005. Fl-2005 l-Airmalta kienet l-iktar linja tal-ajru dominanti li topera minn Malta, b’ 57 fil-mija taċ-ċaqlieq kollu tal-passiġġieri. Wara 11-il sena mindu bdew joperaw il-linji tal-ajru low cost, it-traffiku tal-passiġġieri mil-linja nazzjonali tal-ajru niżel għal 28% fl-2017.