Lokali
Aktar minn 600 tifel u tifla b’xewqa li meta jikbru jaqbdu karriera fis-servizz pubbliku

Aktar minn 600 tifel u tifla wrew ix-xewqa li meta jikbru jagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies billi jaqbdu karriera fis-servizz pubbliku. Dawn it-tfal ħadu sehem f’kompetizzjoni organizzata mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni bit-tema ‘X’Tixtieq issir la tikber?’

F’kompetizzjoni organizzata mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar bit-tema ‘X’Tixtieq issir la tikber?’ 22% tat-tfal qalu li huma mħajrin għall-karriera bħal tobba, infermiera, spiżjara jew xjenzjati. 18% qalu li jixtiequ jaqbdu t-triq tal-arti, il-pittura, l-iskultura, l-istorja jew l-isport. 15% sostnew li jixtiequ jsiru pumpiera, pulizija jew suldati, 14% qalu li huma mħajra jsiru għalliema waqt li 10% qalu li jixtiequ jagħżlu karriera qalb in-natura u l-annimali.

Aktar minn 600 tifel u tifla wrew ix-xewqa li meta jikbru jagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies billi jaqbdu karriera fis-servizz pubbliku. It-tfal esprimew din ix-xewqa permezz ta’ preżentazzjonijiet li għamlu anki bl-użu tal-arti. Ix-xogħlijiet kollha jinsabu għall-wiri fil-Berġa ta’ Kastilja. Din il-wirja se tibqa’ miftuħa sal-4 ta’ Ġunju.

Fil-5 ta’ Ġunju s-servizz pubbliku se jiftaħ il-bibien tad-dipartimenti tiegħu għat-tfal kollha li ħadu sehem f’din il-kompetizzjoni biex jagħtihom l-opportunità li jqattgħu ftit sigħat fil-postijiet tax-xogħol li huma miġbudin lejhom, fosthom anki fil-Public Broadcasting Services.