COVID-19
Aktar minn 60,000 niżlu ċ-ċertifikat tal-vaċċin – fiduċjuż li fl-1 ta’ Lulju Malta tkun parti mill-European Green Passport

Id-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li aktar minn sittin elf ruħ niżlu ċ-ċertifikat tal-vaċċin.

F’konferenza tal-aħbarijiet li matulha inawgura faċilità ġdida f’Raħal Ġdida, Dr Fearne tkellem dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’Malta. Qal li waqt li s-sitwazzjoni f’pajjiżna hija taħt kontroll, mhux l-istess jista’ jingħad għall-pajjiżi madwar id-dinja.

Dan għall-fatt li waqt li 76% tal-popolazzjoni f’Malta ħadet minn tal-inqas l-ewwel doża tal-vaċċin, hija biss 13% tal-popolazzjoni dinjija li tlaqqmet kontra dan il-virus li ġab ħerba madwar id-dinja f’dawn l-aħħar sena u nofs.

Dwar it-tnaqqis ta’ miżuri restrittivi, qal li jidher li l-impatt kien tajjeb u għada flimkien mal-Ministru għall-Kultura Jose Herrera se jitħabbru dettalji biex minn Lulju jibdew jittellgħu għadd ta’ attivitajiet b’mod limitat u kkontrollat għal dawk li jkollhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin.

Waqt li ħeġġeġ aktar persuni biex ikomplu jitlaqqmu, il-Ministru Fearne qal li l-mira tal-Gvern hi li 80% tal-popolazzjoni titlaqqam kontra dan il-virus. Semma li fil-jiem li ġejjin, se jibdew jintbagħtu l-istediniet lit-tfal u liż-żgħażagħ ta’ bejn it-12 u l-15-il sena biex huma wkoll jibdew jitlaqqmu wara l-approvazzjoni tat-tilqima mill-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini.

Huwa żied jgħid ukoll li jinsab fiduċjuż li bil-ħidma li qed titwettaq minn Identity Malta, fl-1 ta’ Lulju li ġej, pajjiżna se jkun parti mill-European Green Passport li permezz tiegħu, ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jiġu Malta mingħajr restrizzjonijiet esaġerati.