X

Aktar minn €1m għal titjib f’appartamenti tal-Gvern f’Ħal Qormi

Fl-aħħar sentejn sar b’aktar minn miljun Ewro f’xogħol ta’ tisbiħ u manutenzjoni fi 32 blokka ta’ appartamenti tal-Gvern f’Ħal Qormi.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, qal li b’dan l-investiment gawdew 336 familja, bix-xogħlijiet saru fuq l-ispazji tal-komun u l-bjut tal-binjiet.

Il-blokok jinsabu f’erba’ żoni f’Ħal Qormi: Ta’ Farsina, Ta’ Paskarella, fuq tal-Blat, u fl-inħawi ta’ ġnien De La Cruz. Is-Sur Galdes qal li dan il-programm ta’ xogħlijiet hu wieħed ambizzjuż li bih se jkunu ġew riġenerati l-oqsma kollha tad-djar tal-Gvern. Żied li dan jissarraf fi kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti u l-familji li jgħixu f’dawn il-binjiet.