Lokali
Aktar minn €200m f’assi Libjani ffriżati f’Malta – “Irridu li jmorru għall-ġid tal-poplu Libjan”

Jaqbżu l-€200 miljun l-assi tal-gvern Libjan u tal-familja Gaddafi li huma ffriżati f’Malta, effett tar-rivoluzzjoni ta’ għaxar snin ilu li temmet t-tmexxija tar-reġim ta’ Muammar Gaddafi. Dawn jinkludu flus depożitati f’banek u ishma f’kumpaniji. It-tagħrif li ngħata lil Television Malta mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Evarist Bartolo, juri kif fl-aħħar xhur Malta ma ċedietx għall-pressjoni biex tgħaddi lil Libja somma kbira ta’ dinari li nqabdet mill-awtoritajiet Maltin.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin għandu f’idejh materja meqjusa delikata: assi Libjani li ġew iffriżati effett ta’ sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Magħquda. Il-Ministru Evarist Bartolo qal li dawn jammontaw għal aktar minn €200 miljun. Nofshom huma tar-raba’ wild ta’ Muammar Gaddafi, Mutassim, li kien il-konsulent tas-sigurta’ nazzjonali Libjana sa ma nqatel waqt il-kunflitt ta’ 10 snin ilu. Il-werrieta tiegħu jridu dawn il-€100 miljun.

“Minħabba sanzjonijiet tal-Ġnus Magħquda li ffriżaw dawk l-assi ma ħallejnhiex li dak isir u daħħalna l-Qorti. Il-gvern Libjan irid li dawk il-mitt miljun, mhux imorru għand il-familja ta’ Gaddafi imma jmorru għand il-poplu Libjan.”

Il-Ministru Bartolo indika li deċiżjoni dwarhom mistennija tingħata dalwaqt mill-Qorti f’Malta.

“Għandek imbagħad €105 miljun ieħor, issa f’dan il-każ huwa l-Gvern Libjan li qalilna ffriżawhom u itilquhom meta ngħidulkom aħna u aħna lesti li nagħmlu hekk.”

Żied jgħid li hemm mijiet ta’ eluf oħra ffriżati li huma ta’ Libjani li jiġu mill-familja Gaddafi. Malta qed tintalab li jiġu rilaxxati meta jindika l-gvern Libjan biex dan il-ġid imur lura tassew għand il-poplu Libjan.

Sena u nofs ilu, fil-Port Ħieles l-awtoritajiet Maltin qabdu containers b’kunsinna ta’ kważi biljun Ewro f’dinari Libjani li rriżulta ġew stampati mingħajr permess tal-Bank Ċentrali Libjan u kienu fi triqithom għal Libja. Kien rappurtat li dawn il-flus kellhom jaslu għand il-Ġeneral Khalifa Haftar biex jintużaw għax-xiri ta’ armi fi żmien meta kien għaddej b’offensiva militari kontra l-gvern ta’ għaqda nazzjonali bbażat fi Tripli. Iċ-ċentru tal-aħbarijiet jinsab infurmat li l-Gvern Malti ffaċċja pressjoni kbira biex iħalli dawn il-flus u staqsa lill-Ministru Bartolo x’sar minnhom.

“Ma ċedejniex għal dik il-pressjoni, id-dinari għadhom hawn. Il-Libjani, pereżempju meta ġew jarawna l-Libjani tan-naħa ta’ Bengazi qalulna tuhomlna lura għax dawk għandna bżonnhom. Aħna għednilhom, ara aħna lesti li nagħtuhomlkom lura meta l-Libja tkun magħquda u nafu li dawn il-flus se jmorru għall-ġid tal-poplu Libjan u mhux se jmorru għall-armi jew biex iħallsu lil merċinarji.

B’95% tal-kummerċ li jasal il-Libja bil-baħar jgħaddi minn hawnhekk, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin qal li l-awtoritajiet Maltin ma żammewx biss din il-kunsinna dinari iżda spezzjonijiet li saru f’containers għal-Libja wasslu biex inqabdu 400 kilo kokaina, biljun pillola droga “tramadol”, armi u dgħajjes li hu suspettat kienu se jintużaw minn traffikanti tan-nies.

“Nieħdu ħsieb ħafna ħabba l-kuntrabandu taż-żejt, għaliex hija fl-interess tal-Libja wkoll li ma nħallux kuntrabandu taż-żejt, għax dak huwa żejt misruq minn hemm li jinġieb hawn biex jerġa’ jinbiegħ lura xi seba’ darbiet iżjed fil-Libja stess u għandna proġett tajjeb għaddej mal-Libja li nittrejnjawlhom uffiċjali tad-Dwana.”

Bil-Ministru Bartolo jiddeskrivi tajbin ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi, qal li Malta titkellem mal-Libjani kollha u fl-aħħar xhur wasslet il-messaġġ li trid Libja waħda u magħquda f’idejn il-Libjani, li toffri opportunitajiet ta’ xogħol u ġid għal-Libjani nfushom u għal ġirien, fosthom Malta.