Aktar minn elf u sitt mitt persuna f’Malta għandhom xi tip ta’ diżordni marbuta mal-konsum tal-ikel

5.5% tat-tfal fl-età ta’ bejn l-għaxra u s-sittax-il sena f’pajjiżna għandhom xi tip ta’ diżordni marbuta mal-konsum tal-ikel, dawn jammontaw għal iktar minn elf u sitt mitt persuna. Dan il-fenomenu huwa aktar komuni fost it-tfajliet, fil-fatt 90% ta’ dawk maħkuma huma nisa. Biss, il-porzjon ta’ subien żgħar li għandhom dawn it-tip ta’ diżordni huwa sostanzjali. Fl-aħħar snin rajna żieda fost żgħażagħ li resqu għall-għajnuna f’dan ir-rigward.

Tkellimna ma’ Shylene Taliana, nutrizzjonista li spjegat li l-istatistika f’dan ir-rigward hija simili għal dak li jinsab f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea. Qalet li l-fatturi biex wieħed jasal f’dan il-punt jistgħu jkunu differenti. Għalkemm dak li naraw fuq il-midja u l-midja soċjali għandu rwol importanti f’dan ir-rigward, id-diżordni marbuta mal-konsum tal-ikel jistgħu jkunu sintomi għal xi ħaġa iktar moħbija bħal per eżempju xi trawma li tkun għaddiet minnha fil-passat.

Ġie spjegat li l-anoressija u l-bulimja huma żewġ kundizzjonijiet kompletament differenti. L-Anoressija hija r-restrizzjoni tal-ikel jiġifieri li min ikun qed isofri minnha jagħżel li ma jikkonsmax biżżejjed ikel. Minn naħa l-oħra l-bulimja hija kundizzjoni fejn il-persuna titlef il-kontroll u tiekol ammont kbir ta’ ikel biex imbagħad tneħħi l-ikel jew tagħmel eżerċizzju eċċessiv bil-moħbi. In-Nutrizzjonista spjegat li min isofri minn bulimja jista’ jagħmel dan b’mod pjanat jew inkella mingħajr ma jkun jaf għaliex jitlef il-kontroll. Il-fatt li ħafna mid-drabi jagħmlu dan bil-moħbi ta’ qraba u ħbieb jiżolaw ruħhom u jfittxu l-ħin waħidhom.

Mistoqsi mill-preżentatur x’inhuma s-sintomi biex wieħed jinduna li persuna tkun qed tbati minn bulimja, Taliana qalet li wieħed irrid jinnota l-aġir tal-persuna wara l-ikel, il-kundizzjoni tas-snien, ir-riħa fil-ħalq, is-swaba tal-idejn tal-persuna u l-fatt li jiżolaw ruħhom. Dawn kollha jistgħu jindikaw li l-persuna qed tbati minn din il-kundizzjoni.

Taliana saħqet li “huwa essenzjali li niffokaw iktar fuq is-saħħa tal-persuna u mhux fuq in-numri li jidhru fuq il-miżien speċjalment fejn jidħlu t-tfal”.