Barranin
Aktar restrizzjonijiet kontra l-Covid-19 f’numru ta’ bliet Ingliżi

Aktar minn nofs il-popolazzjoni tal-Ingilterra minn nhar is-Sibt se taffaċċja miżuri aktar stretti kontra l-Covid-19.

Il-Ministru għas-Saħħa, Matt Hancock qal li miljuni ta’ persuni li jgħixu f’Londra, Essex, York u żoni oħra se jkunu fit-tieni livell ta’ twissija. Dan ifisser li r-residenti mhux se jkunu jistgħu jitħalltu fuq ġewwa, inkluż fil-pubs u r-ristoranti.

Għad trid tittieħed deċiżjoni dwar jekk Greater Manchester ux se jkun inkluż fil-lista tal-ogħla twissija. Taħt l-ogħla livell ta’ restrizzjonijiet mhux se jkunu jistgħu jiftħu l-bars, il-gyms u ċ-ċinemas fost oħrajn. S’issa Liverpool biss jinsab f’din il-kategorija.

Is-Sindku ta’ Londra, Sadiq Khan qal li ma kienx hemm għażla oħra għajr li jiġu implimentati aktar restrizzjonijiet. Huwa qal li se jkompli jagħmel pressjoni fuq il-gvern għal aktar għajnuna finanzjarja hekk kif fi kliemu x-xitwa se tkun diffiċli ħafna.