Lokali
Aktar skrutinju u spezzjonijiet lill-kumpaniji tal-logħob fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus

Il-kumpaniji tal-logħob f’Malta inklużi l-casinos issa għandhom livell ieħor ta’ skrutinju mill-Awtorità tal-Logħob u l-FIAU biex jiżdiedu l-kontrolli ħalli dawn il-kumpaniji ma jservux għal ħasil tal-flus. Dan qed isir wara li f’Diċembru li għadda, Malta daħlet fil-liġijiet tagħha r-raba’ direttiva tal-Unjoni Ewropea kontra l-ħasil tal-flus. L-Uffiċjal tal-Infurzar fi ħdan l-Awtorità tal-Logħob Dominic Micallef stqarr ma TVM li anke f’din l-industrija jista’ jkun hemm il-periklu tal-ħasil tal-flus, tant li anke qabel daħlu dawn ir-regolamenti, l-Awtorità rtirat il-liċenja ta’ għaxar kumpaniji, l-aktar Taljani.

Il-280 kumpanija tal-logħob f’Malta ġew infurmati mill-Awtorità tal-Logħob li ser ikunu suġġetti għal livell ieħor ta’ skrutinju u spezzjonijiet mit-taqsima speċjalizzata li ser tkun qed tħares speċifikament biex tisgura li fl-operat tagħhom, dawn il-kumpaniji, bħal banek qed jieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex jevitaw li jkunu mezz għal ħasil tal-flus.

L-Uffiċjal tal-Infurzar tal-Malta Gaming Authority Dominic Micallef qal lil TVM li dan qed isir wara ħidma li saret tul l-aħħar sentejn mal-FIAU bi tħejjija għall-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti. Qal li l-uffiċjali tal-Awtorità ngħataw taħriġ minn esperti Maltin u Barranin biex ikunu jistgħu jagħmlu skrutinju effettiv kontra l-ħasil tal-flus. Is-sur Micallef qal li issa l-kumpaniji tal-logħob għandhom obbligi ġodda li jridu jsegwu.

Is-sur Micallef qal li l-Awtorità ser tkun qed taħdem viċin mal-FIAU fl-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva kontra l-ħasil tal-flus. Huwa qal li sa mill-2004, il-kumpaniji tal-logħob f’Malta diġà kellhom regolamenti biex ma jservux għal ħasil tal-flus. Żied jgħid li fir-regoli l-ġodda, l-obbligi tagħhom ser jiżdiedu waqt li ser tiżdied ukoll is-supervizzjoni fuqhom mill-uffiċjali tal-infurzar tal-Awtorità tal-Logħob.

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

Ġie ffirmat ftehim bejn il-Gvern u l-Birdlife Malta dwar l-amministrazzjoni tas-Salini tal-Melħ fis-Salina. Bi ftehim mal-Gvern, il-Birdlife ser tmexxi dan is-sit li huwa l-ikbar riżerva naturali f’Malta. Is-Salini tal-Melħ fis-Salina,…

Agrikultura

Il-ġbejniet tradizzjonali Maltin mistennija jkunu aktar abbundanti b’tibdil fil-liġi li ser tippermetti raħħala żgħar kważi jirduppjaw il-produzzjoni tagħhom. Madankollu dal-pass xejn mhu jogħġob lir-raħħala u produtturi l-kbar li kienu obbligati…

NGOs

Qabel kiseb suċċess fil-karriera mużikali bħala tenur, Cliff Zammit Stevens għadda minn esperjenzi qarsa, b’ommu ssofri quddiemu vjolenza fiżika kontinwa fir-relazzjonijiet tagħha. Disa’ xhur wara mewtha, Cliff irrakkonta l-ġrajjiet koroh…

Kronaka

Raġel ta’ 41 sena weġġa’ gravi wara li ħabat bil-mutur fil-Fgura. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-2.00 ta’ waranofsinhar fi Triq San Tumas. Il-Pulizija qalet li mill-ewwel tagħrif jirriżulta li seħħet ħabta…

Aktar