Lokali
Aktar vittmi ta’ vjolenza domestika qed isibu l-kuraġġ u jfittxu l-għajnuna

Miss Universe Malta Jade Cini qalet li kienet vittma ta’ vjolenza domestika, u anke jekk il-każ seħħ darba biss, ħasset li xorta kellha tirrappurtah lill-awtoritajiet.

It-tfajla kienet qed titkellem fl-ewwel jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika, li fl-istess attività mart il-Prim Ministru Lydia Abela qalet li l-vjolenza domestika mhijiex xi ħaġa li tolqot lil persuna waħda biss, iżda hija problema tas-soċjetà kollha.

Matul is-sena li għaddiet, 2,220 persuna talbu l-għajnuna mill- Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, l-FSWS, b’rabta ma’ każijiet ta’ vjolenza domestika. Matul din is-sena, sal-aħħar ta’ Ġunju, kienu diġà fittxew l-għajnuna 1,889 persuna. Matul is-sena li għaddiet fittxew l-għajnuna tal-FSWS 107 aggressuri, li rrealizzaw li għandhom problema – numru li sa Ġunju ta’ din is-sena żdied għal 123.

Miss Universe Malta Jade Cini, tkellmet dwar l-esperjenza tagħha ta’ vjolenza domestika u saħqet dwar l-importanza li wieħed jirrapporta kull abbuż domestiku, sew jekk isir darba u anke jekk sar kemm-il darba u anke jekk ma jkunx jikkonċerna lill-individwu personalment.

“Jiena ġrat darba biss, u fil-fatt kien hemm persuni li fl-opinjoni tiegħi għarfu dan ukoll u forsi nħasdu meta għedtilhom li ġrat darba u jiena ridt nipproċedi bil-Qorti. Huwa importanti wkoll li apparti li nqajmu awareness, huwa importanti li wieħed jifhem illi m’hemmx għalfejn li tiġri aktar minn darba, m’hemmx għalfejn li bniedem jgħaddi minnha aktar minn darba, li din tiġi ripetuta, li anke jekk tiġri darba biss, inti tista’ tieqaf u tgħid le għall-vjolenza domestika.”

Kompliet tgħid li ħassitha mweġġgħa meta n-nies irrifjutaw li jgħinuha biex fi kliemhom ma jidħlux fil-każ u appellat biex anke b’mod anonimu jċempel lill-Pulizija għall-għajnuna. L-istess appell għamlitu l-kummissarju għall-vjolenza domestika abbazi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika Audrey Friggieri, li qalet li s-silenzju jgħin biss lill-aggressur biex ikompli jabbuża.

Mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, qalet li l-vjolenza domestika mhijiex xi ħaġa li tolqot lil persuna waħda biss, iżda hija problema tas-soċjetà kollha. Qalet li soċjetà li tiffunzjona tajjeb ma jistax ikollha lil xi ħadd li jaħseb li hu fuq ħaddieħor, għax jekk jasal li jabbuża lil dawk li suppost iħobb, hekk ukoll jagħmel ma’ ta’ madwaru. Saħqet li lil hinn minn dawn is-16-il ġurnata, il-ħidma kontra l-vjolenza domestika għandha ssir tul is sena kollha.

“Dawk li jaħdmu fis-settur tal-protezzjoni, dawk li jaħdmu fis-settur tal-prevenzjoni, dawk li jaħdmu fis-settur tal-edukazzjoni, ma jaħdmux biss matul dawn is-16-il ġurnata, imma jaħdmu ta’ kuljum u jindirizzaw problemi ta’ kuljum matul is-sena kollha.”

L-aħħar snin, b’mod speċjali waqt l-eqqel tal-pandemija, raw żieda fil-każi ta’ vjolenza domestika. Waqt li qabel il-medja ta’ rapporti kienet tkun ta’ 122 każ fix-xahar, matul il-pandemija, din telgħet għal 142 każ fix-xahar. L-awtoritajiet qed jaħdmu biex din il-pjaga tiġi kkontrollata, anke permezz ta’ studju li sar minn akkademiċi fl-Università ta’ Malta.

Ara wkoll:

Minn vittma ta’ vjolenza domestika għal rebbieħa ta’ Miss Universe