X

Alfred Degiorgio lagħab fil-casinos €570,000 u tilef €71,000

Il-Pulizija kompliet tressaq ix-xhieda fil-każ kontra George u Alfred Degiorgio u s-sieħba tiegħu Anca Adelina Pop li jinsabu mixlija b’ħasil ta’ flus. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud semmet fost oħrajn kif fuq medda ta’ snin. Alfred Degiorgio lagħab fil-casinos €570,000 u minnhom tilef €71,000. Mill-banda l-oħra George Degiorgio u s-sieħba tiegħu ma kinux lagħba.

Fost ohra xehed l-eks assistent kummissarju Neville Aquilina li llum jaħdem ma’ kumpanija tal-igaming u li tqabbad biex jeżamina jekk l-akkużati kinux jiffrekwentaw il-casino tad-Dragonara. Xehed li George Degiorgio mar darba biss u Adelina Pop qatt ma rifset l-għatba tal-casino. Iżda Alfred Degiorgio kien klijent regolari u fuq medda ta’ tliet snin lagħab €39,000 li minhom tilef 18,000.

Abigail Fenech f’isem l-casino ta’ Portomaso u tal-Oracle, xehdet li Alfred Degiorgio lagħab fiż-żewġ casinos is-somma ta’ ftit inqas min-nofs miljun Ewro u tilef €47,000. Ir-rappreżentat ta’ Casino Malta qal li Alfred Degiorgio lagħab fl-istabbiliment tiegħu €34,000 u spiċċa tilef minnhom €6,000.

Fil-Qorti, Paul Vassallo f’isem il-Fexserv Financial Service xehed dwar aktar minn mitt transazzjoni finanzjarji li saru għal barra minn Malta kemm minn George u Alfred Degiorgio. Il-każ tal-Pulizija kontra l-aħwa Degiorgio u Adelina Pop beda wara li l-aħwa ġew investigati u eventwalment akkużati wkoll bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

av :