Lokali
Alfred Sant jisħaq fuq il-bżonn ta’ kompetizzjoni fit-taxxa għal pajjiżi żgħar

Il-Kap tad-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant, qal li pajjiżi żgħar fl-Unjoni Ewropea għandhom jitħallew jużaw għodda biex ikunu kompetittivi fit-taxxa u jagħmlu tajjeb għall-iżvantaġġi li jsofru minħabba riżorsi limitati u distanzi twal mis-swieq ewlenin.

Dr Sant kien qed jiddibatti fil-Kumitat ECON waqt skambju ta’ ideat mal-Parlamenti nazzjonali fuq Bażi ta’ Taxxa Korporattiva Konsolidata Komuni. Flimkien ma’ Malta, l-Irlanda u Ċipru wkoll esprimew it-tħassib tagħhom dwar il-proposta tal-armonizzazzjoni fit-taxxi.

Dr Sant qal li l-użu tal-għodda kontra l-abbuż li għandna f’idejna fuq livelli nazzjonali għadha m’hix eżawrita, u sosnta li l-għan f’livell Ewropew għandu jkun l-infurzar tat-trasparenza fil-pajjiżi kollha.

Dr Sant qal li hi ħasra li l-isforz li qed isir biex tonqos l-evażjoni tat-taxxa qed ikun devjat mill-għan proprju tiegħu: il-ġlieda kontra l-abbużi fit-taxxa primarjament fuq bażi nazzjonali. Minflok, l-għan reali sar dak li nnaqqsu l-kompetizzjoni fit-taxxa bl-iskop li nimxu lejn armonizzazzjoni fit-tassazzjoni fuq bażi Ewropea.