Unjoni Ewropea
Alleanza bejn is-Soċjalisti u l-Liberali biex il-President tal-KE tkun mara għall-ewwel darba?

Filwaqt li l-Partit Popolari Ewropew qed jisħaq li l-President tal-Kummissjoni Ewropea għandu jkun Manfred Weber bħala l-kandidat tal-Grupp li l-aktar ġab voti fl-elezzjonijiet Ewropej ta’ Mejju li għadda, fi Brussell għaddejjin taħditiet bejn is-Soċjalisti u l-Liberali biex jilħqu xi forma ta’ alleanza biex jimbuttaw kandidatura flimkien.

Il-President Franċiż Emmanuel Macron, li ddikjara ruħu kontra l-proċess tal-ispitzenkandidat, kellu laqgħat mal-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez u mal-Prim Ministru Portugiż Antonio Costa.

Minbarra l-kandidat tal-Popolari Manfred Weber, fi Brussell qed tissemma l-possibilità li l-Kummissarju Margrethe Vestager tkun nominata biex tkun l-ewwel President tal-Kummissjoni Ewropea mara.

Vestager, Daniża u Liberali, tifforma parti mill-Kummissjoni Juncker u hija responsabbli mill-Kompetizzjoni. Mitlub jikkummenta huwa u dieħel għas-summit Ewropew, li qed jiltaqa’ fi Brussell, il-PM Olandiż Mark Rutte, huwa nnifsu Liberali, qal li huwa jappoġġja bis-sħiħ il-kandidatura ta’ Vestager.

Filwaqt li sorsi qalu lil TVM li hemm “aptit” li f’dan is-summit jintlaħaq ftehim dwar il-karigi istituzzjonali, oħrajn sostnew li deċiżjoni finali tista’ ma titteħidx.

Il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel u l-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani diġà sostnew li l-Popolari mhux lesti jċedu l-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea. Sorsi qalu li f’każ li jkollhom jabbandunaw il-proċess tal-ispitzenkandidat, il-Popolari kapaċi jibdew jimbuttaw lil Michel Barnier li mexxa n-negozjati dwar Brexit f’isem l-Unjoni Ewropea.

Aħbarijiet Oħra
Sport

Fit-tielet logħba tagħhom fil-Kampjonat tal-Amateurs, it-tim ta’ Syria Gżira FC kiseb l-ewwel rebħa bl-iskor ta’ 3-1 kontra Fleur De Lys FC. Il-player Lucky Chizobor skurja żewġ gowls filwaqt li Julius…

Saħħa

Ilbieraħ filgħaxija għadd ta’ nies nġabru quddiem iċ-Ċentru Esplora fil-Kalkara għal mixja simbolika bħala parti mix-xahar iddedikat għall-għarfien dwar il-kanċer tas-sider, magħruf bħala Pink October. Din is-sena n-nisa u l-irġiel…

Brexit

Wara dibattitu f’sessjoni straordinarja fil-House of Commons, il-membri parlamentari ivvutaw favur mozzjoni li tobbliga lill-Prim Ministru biex jitlob estensjoni mill-Unjoni Ewropea għal Brexit. Dan sakemm il-ftehim għall-ħruġ mill-Unjoni Ewropea jiġi…

Lokali

L-invażjoni Torka fit-Tramuntana tas-Sirja ġiet ikkundannata mill-komunità Kurda f’Malta li bl-appoġġ tal-Moviment Graffitti organizzaw manifestazzjoni paċifika quddiem l-Ambaxxata Torka fil-Floriana. Huma kkundannaw dak li sejħu bħala assalt brutali u mingħajr…

Aktar