Sajd
Allokati numri ta’ rimjiet tal-lampuki għas-sajjieda dilettanti

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar li s-sajjieda dilettanti se jkunu allokati numru ta’ rimjiet u ċimi tal-lampuki madwar il-kosta ta’ Malta u Għawdex.

Din l-inizjattiva ttieħdet wara konsultazzjoni ma’ dawk involuti fis-settur kif wkoll wara li saret laqgħa għall-għaqdiet kollha tas-sajd li fiha ġew diskussi l-proposti mressqa u ntlaħaq ftehim biex is-sajjieda dilettanti jkollhom ir-rimjiet u ċ-ċimi tal-lampuki.

Kull sajjied, kemm kummercjali kif ukoll dilettant, jistenna l-istaġun tal-lampuki li jiftaħ fil-15 ta’ Awwissu u jkompli sal-aħħar ta’ Diċembru.

Il-Ministru Refalo qal li snin ilu s-sajjieda dilettanti kienu jgawdu minn awtorizzazzjoni sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jitfgħu xi ċimi tal-lampuki matul il-kosta ta’ Malta u Għawdex.

Din is-sena se jiġi varat proġett pilota sabiex id-dilettanti tas-sajd Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu joħorġu jrejxu għal-lampuki fuq iċ-ċimi tagħhom.

Il-proposti prinċipali li ġew aċċettati kienu dawn:

Il-federazzjoni u l-għaqdiet tas-sajjieda dilettanti jingħataw spazju għar-rimi ta’ tliet rimjiet, tnejn mal-kosta tal-Lvant ta’ Malta u waħda mal-kosta tal-Punent.

Kull rimja tad-dilettanti ma jistax ikollha aktar minn tletin ċima.

Kull ċima jrid ikollha numru li jidentifika mal-għaqda responsabbli. Dan in-numru jinħareġ mid-Dipartiment tas-Sajd.

Għal dawk il-bastimenti ta’ sajd rikreattiv li ma jistgħux jitbiegħdu mill-kosta Maltija, jiġu identifikati siti fil-baħar tliet mili nawtici ’l barra mill-kosta quddiem il-lokalità tal-għaqda fejn jistgħu jintremew sa tliet ċimi għal kull bastiment.

Il-lampuki jista’ jinqabad biss permezz tas-sajd bir-rixa. L-ebda rkaptu tas-sajd ieħor ma jista’ jintuża.

Kull għaqda u/jew individwu jrid japplika għal permess fuq il-FishApp tad-Dipartiment tas-Sajd.

Kull individwu jew għaqda jridu jirrapurtaw il-qabda tal-lampuki lid-Dipartiment tas-Sajd.

Il-qabda tal-lampuki mid-dilettanti tas-sajd ma tistax tiġi kkummerċjalizzata.

Meta jagħlaq l-istaġun, l-għaqdiet u d-dilettanti tas-sajd iridu jiżguraw li jinġabru ċ-ċimi kollha li jkunu ntefgħu għall-użu tad-dilettanti tas-sajd.