Alternattiva: Mallia jrid jitlaq u miegħu Kurt Farrugia ukoll … bħala bidu
Fi stqarrija Alternattiva Demokratika (AD) qalet li wara t-traskrizzjonijiet tat-telefonati li ħarġu – li AD qed tassumi li huma awtentiċi u veritieri – iċ-Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika, il-Prof. Arnold Cassola, tenna li Manuel Mallia jrid jitneħħa minn Ministru.
Żied li sad-9.15 p.m. fil-lejl tal-isparatura kien ikkomunika max-xufier tiegħu u kien jaf li Sheehan kien spara fil-baxx u mhux fl-ajru.  Madankollu, flimkien mal-Assistent tal-Prim Ministru Kurt Farrugia, bena ħrafa fejn iddikjara li ma kienx kellem lix-xufier u li l-balal kienu sparati fl-ajru.
Il-Professur Cassola qal li la issa hu ppruvat li l-Ministru gideb bil-kbir, il-Ministru għandu jitkeċċa u l-Assistent tal-Prim Ministru għandu jitneħħa wkoll sakemm jiġu aċċertati responsabbiltajiet oħrajn.
Sadattant, kompla ċ-Chairperson t’Alternattiva, f’gieħ il-verità u t-trasparenza, il-Partit Nazzjonalista għandu jgħaddi lill-Maġistrat u lill-Imħallfin li qed jagħmlu l-inkjesti, it-tapes originali tal-konverzazzjonijiet telefonici.
Ir-revelazzjonijiet ġodda flimkien mal-istejjer investigattivi fil-ġurnali indipendenti tul l-aħħar ġimgħat, isaħħu l-argument li Manwel Mallia mhux denju li jokkupa l-kariga ta’ Ministru, ittem tgħid l-istqarrija t’Alternattiva Demokratika.