Politika
Minn Lulju se jibdew titijiriet bejn Malta u l-Emirati Għarab Magħquda

Sitt xhur wara li l-ewwel Ambaxxatriċi Maltija residenti fl-Emirati Għarab Magħquda waslet f’dan il-pajjiż, Maria Camilleri Calleja temmen li x-xogħol ta’ ambaxxatur jew diplomatiku għandu jinbidel għal wieħed iktar barra mill-uffiċju, fejn wieħed jiltaqa’ man-nies, jitgħallem il-kultura, u jesplora niċeċ ekonomiċi ġodda għal pajjiżu.

Ma’ krew ta’ Television Malta li żar l-ambaxxata Maltija f’Abu Dhabi, l-Ambaxxatur Camilleri Calleja stqarret li fid-dinja tal-lum, id-diplomazija mill-uffiċju, hija xi ħaġa tal-passat.

“Noħorġu minn dik il-forma ta’ diplomazija li kellna qabel, nesploraw kemm nifilħu, nitgħallmu fuq il-pajjiż, naraw fejn huma dawk l-oqsma li nistgħu niżviluppaw iktar, noħorġu iktar mill-uffiċju u naraw x’inhuma dawk l-opportunitajiet li hemm hemm barra, fejn iż-żewġ pajjiżi jistgħu jaħdmu flimkien.”

L-Ambaxxatur Camilleri Calleja tqis ukoll bħala suċċess li l-ikbar mira li kellha sitt xhur ilu meta waslet f’Abu Dhabi, dik li jerġa’ jkun hemm titjiriet diretti bejn Malta u l-Emirati, saret realtà, hekk kif dawn mistennija jkomplu minn Lulju li ġej.

“Fil-qasam tal-avjazzjoni ħdimna ħafna bħala ambaxxata biex nerġgħu nistabilixxu il-kuntatt tal-ajru bejn iż-żewġ pajjiżi, ħdimna ħafna biex ovvjament dawk l-affarjiet li kienu qed itaqqlu milli dan il-kuntatt isir, jitneħħew, ċertu burokrazija titneħħa ukoll miż-żewġ naħat.”

L-Ambaxxatur qalet li grazzi għal din il-mod ġdid ta’ ħidma li qed taddatta l-Ambaxxata Maltija fl-Emirati, jinsab fl-ewwel jiem tiegħu proġett ta’ koperazzjoni għal dik li għandu x’jaqsam ma’ xjenza tal-ispazju. Dan waqt li fix-xhur li ġejjin l-ambaxxata se tipparteċipa f’fora internazzjonali li se jittellgħu fl-Emirati dwar din it-teknoloġija ġdida.

Dwar niċeċ ekonomiċi ġodda, l-ambaxxatriċi qalet li huwa importanti li wieħed iħares lejn tekonoloġija li qed naraw f’għadd ta’ pajjiżi u nressquhom lejn Malta. Fost dawn semmiet il-Fintech, l-Intelliġienza Artifiċjali, u l-mod kif qed tintuża t-teknoloġija f’ħajjitna wara l-pandemija.

L-ambaxxatriċi Camilleri Calleja spjegat li storikament, ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u l-Emirati ilhom hemm mis-snin sebgħin, meta l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Dom Mintoff kien żar Abu Dhabi sabiex jesplora toroq ta’ interess komuni bejn iż-żewġ pajjiżi.

“Ir-relazzjonijiet taż-żewġ pajjiżi jmorru wkoll lil hinn mill-ħbiberija, imorru wkoll f’dak li għandu x’jaqsam ma’ għajnuna li kien jagħti dan il-pajjiż meta Malta kienet qiegħda tibda it-triq tagħha bħala pajjiż sovran indipendenti.”

L-ambaxxatriċi Camilleri Calleja spjegat li r-relazzjonijiet baqgħu jitjiebu, anke fis-snin riċenti, bil-ftuħ tal-ewwel konsolat f’Dubai, u 4 snin ilu bil-ftuħ ta’ ambaxxata f’Abu Dhabi.