Amber tagħmel rekord ġdid bil-massimu tal-punti tal-ġurija u l-pubbliku

Il-kantanta Amber hi r-rebbieħa tal-Malta Eurovision Song Contest u b’hekk se tkun qed tirrappreżenta lil Malta fl-Awstrija s-sena d-dieħla. Il-kanzunetta Warrior kisbet voti massimi mill-membri kollha tal-ġurija u ħarġet anke rebbieħa fit-televoting.

Amber rebħet il-Malta Eurovision Song Contest li din is-sena sar fil-Marsa Shipbuilding, b’total ta’ 72 punt fejn kisbet l-ogħla punti mill-pubbliku permezz tat-televoting waqt li l-ġurati kollha tawha l-iżjed ammont ta’ punti. Il-kanzunetta ‘Warrior’ inkitbet minn Matt Muxu Mercieca u b’kompożizzjoni mużikali ta’ Elton Zarb.

Amber, ta’ 23 sena mill-Kalkara, issa tibda tħejji biex tirrappreżenta lill-Malta fil-Eurovision Song Contest fi Vjenna l-Awstrija f’Mejju li ġej.

Fit-tieni post ġiet il-kanzunetta Rush ta’ Christabelle li kisbet 47 punt u fit-tielet post b’39 punt ikklassifika Glen Vella li kanta Breakaway.

Il-mistiedna speċjali tal-Malta Eurovision Song Contest kienet Conchita li fetħet is-serata bil-kanzunetta rebbieħa tal-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena Rise like a Phoenix.