Barranin
Analiżi ta’ Politico tbassar li se jkun hemm mal-500 membru ġdid fil-Parlament Ewropew

Waqt li llum l-aħħar jum tal-kampanja elettorali f’Malta, fir-Renju Unit u l-Olanda l-votanti qed jivvutaw fl-ewwel jum minn erbat li matulhom se jsiru l-elezzjonijiet fi 28 pajjiż-membru biex jiġu eletti 751 ewroparlamentari.

Skont analiżi ta’ Politico, qed ikun imbassar li se jkun hemm mal-ħames mitt membru ġdid, b’wieħed minn kull tliet membri biss li jerġa’ jiġi elett.

Fir-Renju Unit u l-Olanda kmieni l-Ħamis filgħodu fetħu l-postijiet tal-votazzjonijiet għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li l-analisti politiċi qed ibassru li se jwasslu għal bidla fil-poter f’din l-istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Bejn illum u l-Ħadd li ġej, 426 miljun persuna huma eliġibbli jivvutaw fi 28 pajjiż biex jagħżlu 751 ewroparlamentari fosthom is-sitta Maltin. Il-maġġoranza tal-votanti se jivvutaw il-Ħadd waqt li għada se jsiru l-elezzjonijiet fl-Irlanda u r-Repubblika ċ-Ċeka. Is-Sibt minbarra f’Malta se jivvutaw ukoll is-Slovakki u l-Latvjani.

Ir-riżultati għandhom jagħtu direzzjoni ta’ x’tip ta’ politika Ewropea nistennew fil-ħames snin li ġejjin, bl-osservaturi politiċi jgħidu li l-Parlament mistenni jkun aktar maqsum. Politico qed ibassar li mal-mitejn u ħamsin ewroparlamentari mistennija jerġgħu jiġu eletti waqt li l-kumplament se jkunu uċuħ ġodda.

Fl-aħħar ġimgħat, l-istħarriġ tal-fehma pubblika wrew li l-ewro-xettiċi u partiti popolisti se jissaħħu u l-gruppi politiċi favur l-Unjoni Ewropea jaf jitilfu l-maġġoranza fil-Parlament Ewropew.

Fir-Renju Unit, l-elezzjoni biex jiġu eletti 73 deputat Ingliż qed issir minħabba l-posponiment li kien hemm għal Brexit.

Jekk kif qed ikun imbassar il-Partit ta’ May jitlef b’mod umiljanti, se jkun hemm pressjoni akbar biex twarrab mill-kariga.

Fl-Olanda, il-partit ta’ Thierry Baudet li jrid li pajjiżu joħroġ mill-Unjoni Ewropea, mistenni jikber u jeleġġi ħamsa mis-26 ewroparlamentari Olandiż.

Fl-Italja, il-Lega ta’ Matteo Salvini mistenni li tirbaħ l-akbar għadd ta’ siġġijiet u fi Franza Emmanuel Macron qed jaffaċċja l-ewwel test elettorali sa minn meta sar President. Fil-Ġermanja, riżultat ħażin għas-Soċjal-Demokratiċi jaf itemm il-koalizzjoni mmexxija minn Angela Merkel.

Ir-riżultati ma jistgħux jitħabbru uffiċjalment qabel il-ħdax tal-Ħadd filgħaxija meta jingħalqu l-aħħar postijiet tal-votazzjoni.

Aħbarijiet Oħra
Barranin

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson qal li l-possibiltà ta’ ftehim emendat dwar Brexit jiddependi fuq il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, iżda tenna li r-Renju Unit għandu jkun imħejji li jitlaq sal-31 ta’…

Barranin

Ħames persuni tilfu ħajjithom wara li ajruplan żgħir u ħelikopter ħabtu u ġġarrfu fi Spanja. It-traġedja seħħet fuq il-gżira Mallorca għall-ħabta tas-1.35 ta’ waranofsinhar. Qed ikun irrappurtat li fil-ħelikopter kien…

Barranin

Frank u Carmen Sant, Maltin li jgħixu l-Awstralja, tilfu ħajjithom matul il-lejl li għadda wara li kienu involuti f’inċident f’Sydney. Il-każ kien irrappurtat mill-midja Awstraljana u anki minn dik Ingliża,…

Barranin

Il-pulizija f’Hong Kong użaw il-gass tad-dmugħ biex iwaqqfu protesti kontra l-gvern f’subborg industrijali wara li l-attivisti waddbu bombi tal-petrol u bricks. Dan seħħ hekk kif ċ-Ċina ħelset ħaddiem tal-konsulat tar-Renju…

Aktar