Lokali
Il-Kumitat Parlamentari għall-Ħatriet Pubbliċi japprova n-nomina ta’ Angelo Gafà għall-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija

Il-Kumitat Parlamentari għall-Ħatriet Pubbliċi approva n-nomina ta’ Angelo Gafà għall-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija wara seduta li ħadet kważi siegħa u nofs li fiha is-Sur Gafà wieġeb diversi mistoqsijiet li saru mill-membri Parlamentari dwar il-prijoritajiet tiegħu. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ma ħaditx sehem fis-seduta.

Fis-seduta tal-kumitat Parlamentari Angelo Gafà qal li l-prijorità ewlenija tiegħu hi li jerġa’ jsaħħaħ il-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija waqt li stqarr li l-kritika li ssir fil-korp qed tbaxxi l-moral tal-pulizija. Is-sur Gafà kien qed iwieġeb il-membri parlamentari fil-kumitat dwar il-ħatriet pubbliċi dwar il-pjan tiegħu għall-korp tal-pulizija wara li ġie nominat mill-kabinett wara proċess ta għażla li għall-ewwel darba sar mill-kummissjoni għas-servizz pubbliku.

Is-Sur Gafà qal li jrid li jiġu stabbiliti policies ċari, taħriġ edukattiv akbar u aktar speċjalizzazzjoni mill-membri tal-korp. Stqarr li hemm ċerti nuqqasijiet fil-korp minħabba n-nuqqas ta’ regolamenti mhux miktuba. F’dan ir-rigward semma tfassil ta’ strateġija ta trasformazzjoni li qal hija iffinanzjata minn fondi ewropej u li wasslet fl-aħħar fażi biex tibda titwettaq mingħajr indħil politiku. Huwa qal li għandha tissaħħaħ il-komunikazzjoni interna b’mod li żżid il-kontabilità u mhux wieħed jistrieħ fuq inkjesti maġisterjali. Żied jgħid li fil-karriera tiegħu qatt ma ħares lejn wiċċ ħadd u hekk jippretendi mill-membri l-oħra tal-korp.

Mistoqsi dwar ir-rapporti tal-FIAU, is-Sur Gafà qal li l-ġbir tal-informazzjoni mhix biżżejjed għax il-Pulizija tkun tinħtieġ evidenza konkreta biex tressaq nies il-Qorti għaliex biex tinstab l-ħtija fil-kamp kriminali jrid ikun hemm iċ-ċertezza. Huwa semma’ li dal-aħħar ir-riżorsi umani fit-taqsima ta’ kontra l-ħasil tal-flus żdiedu b’51 fil-mija wara li diversi spetturi tħarġu f’din l-ispeċjalizzazzjoni. Is-sur Gafà spjega li l-korp jeħtieġ aktar uffiċjali pajzana bi speċjalizazzjonijiet għal ħtiġjiet tal-lum. Stqarr li huwa ħadem għal disa’ snin fit-taqsima tar-reati ekonomiċi u jaf l-isfidi li hemm u għalhekk lanqas jista’ jwiegħed mirakli.

Dwar ir-rabtiet internazzjonali tal-Korp, is-Sur Gafà qal li l-korp għandu koperazzjoni assoluta mal-Europol li assistew f’każ partikulari, illum estiża għal invetigazjzoni fuq reati finanzjarji. Qal li aktar xogħol ta’ amministrazzjoni jista’ jsir min-nies pajzana biex il-Pulizija jikkonċentraw aktar fuq policing. Fisser li l-Korp irid iżid il-komunikazzjoni mal-pubbliku u mal-media.

Is-Sur Gafà tkellem dwar it-taħriġ tar-rekluti ġodda li qal iridu jiksbu ċertifikat u jilħqu aktar iridu jagħmlu perjodu jaħdmu fid-distretti qabel ikunu f’taqsimiet speċjalizzati tal-korp. Semma’ n-nuqqas ta’ ħiliet ta’ tmexxija fost membri tal-korp u qal li s-surġenti għandhom iservu ta’ mentors biex jagħtu edukazzjoni formattiva lill-membri ġodda.

Intant, il-Partit Nazzjonalista qal fi stqarrija, li ma ħax sehem fil-kumitat Parlamentari li approva l-ħatra tas-Sur Gafà għaliex fi kliemu ma riedx jieħu sehem fi proċess farsa biex jilleġittima proċess ivvizjat.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Beppe Fenech Adami ntqal li l-Prim Ministru tilef opportunittà li jkun hemm qbil mal-Oppożizzjoni fuq min għandu jokkupa l-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija. Il-Partit Nazzjonalista qal se jibqa’ jkun fuq quddiem nett il-ġlieda biex issir ġustizzja sabiex min huwa korrott u kriminal jieħu dak li ħaqqu u jintraddu lura l-miljuni li nsterqu lill-poplu.

Il-Partit Laburista fi stqarrija sejjaħ l-aġir tal-Oppożizzjoni bħala kundannabbli għaliex qal li abdika mir-responsabbilitajiet tagħha billi tibbojkottja l-proċess ta’ skrutinju tas-Sur Gafà. Żied jgħid li minkejja li tippriedka fuq il-governanza u t-trasparenza, l-Oppożizzjoni baqgħet twebbes rasha minkejja li dan il-proċess ġie mfaħħar mill-Kummissjoni Venezja li fissret din il-proċedura bħala tajba u konformi mal-prinċipji tat-trasparenza, kontabilità u governanza tajba.