“Anki gradwati hawn li għandhom problemi bid-droga”

Mill-bieraħ u kull nhar ta’ Ħadd il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali bdiet ixxandar il-programm ‘Gramma’ fl-10.30pm fuq Television Malta. Liema programm, għandu produzzjoni ta’ Clifford Galea u minn Ħadd għal ieħor mistenni jibda jqajjem għadd ta’ diskussjonijiet b’rabta mal-pjaga tad-droga fi xtutna.

Ilbieraħ filgħaxija, fost l-oħrajn, ġie diskuss il-għaliex dak li jkun jinħakem mit-tali vizzju. F’dan l-isfond, il-produttur saħaq li r-raġunijiet huma bosta u li mhux dejjem huwa tort tal-klikka, l-ambjent li wieħed jitrabba fih jew l-għadd ta’ problemi li dak li jkun isib wiċċu magħhom ftit ftit. Saħansitra, is-Sur Galea qal li l-vizzju tad-droga jaħkem ukoll lil persuni li huma gradwati u li f’ħajjithom kollox jidher miexi ħarir.

Is-Sur Galea spjega li l-vizzju tad-droga huwa marda peress li dak li jkun minkejja li jkun konxju li qed jagħmel ħsara liema bħalha lilu nnifsu kif ukoll lil ta’ madwaru xorta waħda jibqa’ jaqa’ fil-vizzju.