Lokali
Annamaria trid tidħol l-università biex tistudja l-bizzilla

Studjat il-bizzilla fuq diversi livelli, mit-teknika sal-aspett soċjali u kulturali tagħha. Issa biħsiebha tkompli tistudja dwar il-bizzilla f’livell terzjarju, b’mod speċifiku b’Masters f’università.

TVM tkellem ma’ Annamaria Gatt li ssostni li r-riċerka tagħha hija intiża biex fost oħrajn iżżomm ħajja t-tradizzjoni tal-bizzilla.

Annamaria Gatt bdiet taħdem il-bizzilla 30 sena ilu. Tqatta’ sigħat twal bit-trajbu f’ħoġorha, tqalleb iċ-ċombini li b’ħeffa kbira jtiru minn id għall-oħra.

Il-bizzillista, Annamaria Gatt qalet ”ommi kellha kaxxa ċombini li kienu ta’ ommha però ommi qatt ma ħadmitha imma dejjem kien ikolli kurżità x’se nagħmel bihom.”

Il-bizzilla bdiet tinħadem f’Malta fi żmien il-Kavallieri u tinħadem l-iżjed f’Għawdex. ”Kont nitla’ ħafna Għawdex kont nara anzjani jaħdmu barra t-triq u anki nisa u tfal illi sfortunatament illum m’għadniex naraw ħafna ħlief anzjani, u kont ninteressa ruħi nsaqsi” qalet Annamaria.

Hi sengħa li fiha ħafna loġika. ”Minn fejn tibda, kif se tispiċċa, minn fejn toħroġ, fejn se ttella’ u tniżżel pari, ma taqtax, iżżid” kompliet tgħid Annamaria.

Fil-bizzilla, ma jonqosx is-Salib ta’ Malta. ”Jieħu ħafna ħin biex taħdmu. Jien bejn wieħed u ieħor nieħu bejn 3/5 sigħat, skont il-kobor, ħajt u d-disinn” stqarret Annamaria.

B’kuntrast mal-passat meta mill-bizzilla n-nies kienu jaqilgħu l-għajxien tagħhom, Annamaria tħoss li din is-sengħa qed tnin minħabba fost oħrajn kompetizzjoni ta’ bizzilla li flok bl-idejn qed tinħadem bil-magni.

Annamaria determinata li tkompli tagħmel il-biċċa tagħha biex din is-sengħa ma tmutx mewta naturali u jibqa’ jiġi preġjat ix-xogħol bl-idejn. ”Issa r-riċerka tiegħi baqgħet għaddejja u biħsiebni illi nagħmel Master’s fuq il-bizzilla ekkleżjastika” kompliet tgħid Annamaria.

Għalkemm il-bizzilla fid-djar naqset, għajr fost id-dilettanti tal-antikitajiet, illum sabet postha fil-moda u l-ilbies.

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

Kruċjali għall-ħajja ta’ kulħadd…u għal Malta hu riżorsa prezzjuż daqs id-deheb! Hawnhekk qed nirreferu għall-ilma. Hu stmat li kull persuna f’Malta tuża mal-110 litri ta’ ilma kuljum. Il-pubbliku jista’ jitgħallem…

Pulizija

Sal-aħħar tas-sena d-dieħla, il-Korp tal-Pulizija għandu jkollu strateġija ta’ trasformazzjoni. F’intervista estensiva mal-Kap Eżekuttiv tal-Pulizija li tixxandar fil-programm DISSETT wara dan il-bulettin, is-Sur Gafa’ qal li d-direzzjoni tat-tiġdid ser isir…

Politika

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, akkuża lill-Partit Nazzjonalista li ma ppreżentax biżżejjed kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fi 23 lokalità f’Malta u f’Għawdex bl-għan li jiskoraġixxxi lin-nies milli…

Għawdex

Tnieda l-proġett għall-installazzjoni tat-tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex, bil-gvern iħabbar li l-proġett se jitwettaq minn kumpanija Taljana. Il-cable il-ġdid mistenni jsaħħaħ l-infrastruttura diġitali f’Għawdex u jżid il-potenzjal…

Aktar