Lokali
Antropologu jgħid li diffiċli jgħid biex mietet “Elsa” f’qasir il-għomor

L-antropologu forensiku Roberto Micciche jemmen li huwa diffiċli li jinstab biex mietet Elsa, il-mara li l-fdalijiet tagħha nstabu fil-katakombi ta’ San Pawl fir-Rabat, għalkemm fuq nota pożittiva nafu kif kien wiċċha.

Huwa kien qed jirrimarka dwar ix-xogħol li sar biex il-pubbliku lokali seta’ jkun jaf kif kienet tidher il-mara li ngħatat it-tieni isem ta’ waħda mill-arkeoloġisti involuti fl-istħarriġ.

Elsa nstabet fil-qabar mill-Kuratur Anzjan David Cardona u t-tim ta’ arkeoloġisti tieg hekk kif kienu qed iħaffru fis-sit fejn hemm ippjanat li jsir iċ-ċentru tal-viżitaturi.

Is-sejba saret permezz tas-sistema Ground Penetrating Radar fejn permezz tar-raġġi jiġi stabbilit x’hemm taħt l-art.

Ir-radar sab li kien hemm diversi spazji vojta taħt il-ħamrija u meta sar it-tħaffir instabu oqbra taż-żmien Puniko-Ruman.

Fost l-affarijiet li nstabu fil-qabar ta’ Elsa kien hemm biċċiet minn fuħħar, ‘hairpin’ magħmulha mill-għadam u pendent tal-wiċċ.

L-istudju fuq il-qabar wera li l-fdalijiet tal-mara jmorru lura għal bejn l-ewwel u t-tieni sena wara Kristu bl-esperti jemmnu li l-mara kienet tgħid fl-inħawi tar-Rabat jew l-Imdina.

Kien Michele Padovani, arkeologu li jispeċjalizza fl-għadam, li identifika l-iskeletru bħala dak ta’ mara mill-għadam tal-ġenbejn.

Roberto Miccicche, li flimkien mat-tim tiegħu ta’ esperti Taljani ħoloq rikostruzzjoni tal-wiċċ, sostna i għalkemm jaf ma nkunux nafu bil-kawża tal-mewt nistgħu nkunu nafu kif kienet tidher.

Wara li sar studju ta’ uċuħ ta’ nisa Sqallin li kien jgħixu f’dak iż-żmien sar wiċċ bit-tafal imbagħad wieħed bis-silicone qabel ma’ Ugo Mari Esposito ħareġ bir-rikostruzzjoni virtwali permezz ta’ teknoloġija 3D.

Aktar dettalji dwar din is-sejba se jingħataw minn Heritage Malta fil-21 ta’ April li ġej.