Lokali
AĠĠORNAT: Anzjan fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ ġo bokka ta’ każin

Raġel ta’ 73 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ għal isfel f’każin f’Ħal Għaxaq. Il-każ seħħ ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tat-7.45 fi Triq G.M. Farrugia.

Mill-ewwel stħarriġ tal-Pulizija jidher li r-raġel, li joqgħod il-Gudja, waqa’ sular għal ġo bokka ta’ service lift li jinsab fuq in-naħa ta’ barra tal-każin. TVM infurmat li l-każin fejn seħħ l-inċident huwa dak tal-għaqda mużikali Santa Marija.

Ir-raġel ittieħed l-isptar Mater Dei b’ambulanza fejn ġie ċċertifikat li qed isofri ġrieħi serji. Fil-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace.