Qorti
Anzjan li qed jistenna li jgħaddi ġuri dwar sess ma’ tifla ta’ 8 snin jibqa’ jsostni li l-istorja ġiet dramatizzata

Anzjan ta’ 70 sena li qed jistenna li jgħaddi ġuri dwar allegat attivitajiet sesswali ma’ tifla ta’ tmien snin baqa’ jinsisti li l-istorja kif qed jippreżentaha l-Avukat Ġenerali hija dramatizzata.

Minkejja dan it-tlett imħallfin li semgħu l-ilmenti tiegħu, qabel jibda jinstema’ l-ġuri, warrbulu l-istess ilmenti.

Kien fl-2016 meta Grazio Azzopardi, li dak iż-żmien kellu 65 sena, tressaq fil-Qorti fejn kien akkużat li fl-2015, fix-Xgħajra, ikkorrompa u ħa sehem f’attivitajiet sesswali ma’ tifla ta’ tmien snin.

Azzopardi ġie mixli wkoll mill-Ispettur Joseph Busuttil li uża l-forza, il-vjolenza u t-theddid fuq it-tifla kif ukoll li wettaq ir-reat sakemm it-tifla kienet fdatha lilu biex jieħu ħsiebha.

L-akkużat kien anke akkużat li żamm lit-tifla sabiex toqgħod għal xi ħaġa li toffendi l-mistħija tas-sess tagħha u li kellu fil-pussess tiegħu materjal pornografiku.

Fit-trattazzjonijiet li jsiru qabel jgħaddi ġuri Azzopardi lmenta li n-narrattiva li ntużat biex ġie mfassal l-Att tal-Akkuża kienet dramatizzata żżejjed.

Huwa lmenta wkoll li tabiba li tqabbdet tkellem lit-tifla marret lil hinn mix-xogħol mitlub minnha.

Minkejja li l-ilmenti kienu miċħuda mill-Imħallef Giovanni Grixti fi Frar li għadda, Azzopardi appella fejn baqa’ jinsisti li kellu raġun fuq dak li kien qed jilmenta fuqu.

Madankollu anke l-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Edwina Grima u Aaron Bugeja ċaħdulu l-ilmenti tiegħu u kkonfermaw is-sentenza tal-Imħallef Grixti.