Lokali
ARA: Anzjan għami jirrakkonta kif kien mgħajjar u mhedded fuq tal-linja

Vjaġġ fuq tal-linja t-Tnejn filgħodu spiċċa f’esperjenza qarsa għall-koppja anzjana minn ta’ Giorni, li qed tgħid li sfat mhedda u attakkata wara li talbet biex fis-seats riżervati għall-persuni b’diżabbiltà jpoġġi r-raġel tagħha, minħabba l-kundizzjoni tiegħu, flok tifel żgħir.

Vjaġġ b’tal-linja minn Mater Dei għall-Imsida spiċċa f’dehxa liema bħalha għal Maria u Gaspare Mizzi. Gaspare ilu erba’ snin li tilef id-dawl u fuq tal-linja jpoġġi fuq is-seats riżervati għall-anzjani u persuni b’diżabbiltà.

Martu, Maria spjegat li fis-seat riżervat għall-persuni b’diżabbiltà kien hemm tifel żgħir u talbet lil ommu biex żewġha jpoġġi minfloku.

“Qabdet toffendini naħseb il-mejtin tiegħi kollha qajmithom għax bdiet toffendini b’ommi b’kollox. Għedtilha issa għalfejn qed tagħmel hekk? Jien kemm għedtlek biex ipoġġi bilqiegħda” qalet Maria Mizzi.

Is-sitwazzjoni eskalat sal-punt li Maria qalet li sieħeb il-mara indirizza lil żewġha bi kliem offensiv.

L-għarus tagħha qabad jigdem idejh u jsabbat mal-ħġieġ u qallu naqbadlek għajnejk, naqlagħhomlok u ntihom bis-sieq.

Gaspare qal li omm it-tifel bdiet tgħajjat.

“Għedtilha skużi. Jekk inti taf tgħajjat, jien naf ukoll. U xħin għedtilha hekk qabdet ittini. Id waħda kienet iggranfata mas-seat u l-oħra kelli l-bastun” qal Gaspare Mizzi.

Gaspare ħass raġel riesaq lejh.

“Ġie ħdejn saqajja. Wiċċu ma’ wiċċi. Jigdem subgħajh u b’idejh l-oħra jigdem iħabbat mal-ħġieġ u jgħajjat biżżejjed, biżżejed. Jgħajjat u jidgħi” kompla jgħid Gaspare Mizzi.

Maria ħasbet li waqfet hemm … iżda għarralha.

“Minn taħt l-ilsien smajtha tgħid li kieku kelli sikkina, kont indaħħalhielu fl-istonku tiegħu. Imbagħad kien hemm mara maġenbi qaltli tiqafx hawn Maria, mur għamel rapport l-għassa.”

Maria allegat li x-xufier baqa’ jsuq.

“Ix-xufier xejn kemm ittawwal u daqshekk. Ngħajjatlu ejja ejja biex tgħinni u baqa’ jsuq. Ma għamel xejn” qalet Maria Mizzi.

Il-koppja Mizzi kellha tieqaf il-Belt minflok l-Imsida, għax it-tnejn bdew jibżgħu.

“Qed nibżgħu nitilgħu tal-linja. Qed nibża’. Mela jien naf jekk niltaqax magħha u jkollha xi ħaġa f’idejha? Jien naf. Qed nibża’ noħroġ” qalet Maria.

Gaspare għamel din l-intervista biex iqajjem kuxjenza dwar persuni b’diżabbiltajiet differenti.

“Irrid ikun hawn din l-awareness – mhux lili biss imma lil min hu hekk – jgħinuh biex inkomplu għaddejjin normali” stqarr Gaspare.

Il-koppja Mizzi qalu li għamlu rapport lill-Pulizija dwar l-inċident. Kelliema għall-Malta Public Transport qalet li qed jivverifikaw il-każ u lesti jikkoperaw fl-investigazzjoni.