Lokali
Anzjan ta’ 71 sena jinżamm arrestat wara li ġie mixli li bagħat ittri anonomi lil deputati tal-PN u lill-President tal-Għaqda Repubblika

Joseph Mary Borg ta’ 71 sena mill-Belt wieġeb mhux ħati li bagħat ittri anonimi lil għadd ta’ deputati fosthom Jason Azzopardi, Karol Aquilina, Beppe Fenech Adami, u l-President tal-għaqda Repubblika Robert Aquilina.

It-talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda minħabba l-biża’ ta’ intraċċ tal-provi, u minħabba li huwa reċediv. B’hekk Borg inżamm arrestat. B’kollox hu qed jiġi akkużat b’26 akkuża differenti.

Il-prosekuzzjoni qalet li dan bagħat għexieren ta’ ittri fid-dar personali tal-vittmi. Qal li dan ammonta għal fastidju, u li l-vittmi kienu qed jgħixu fil-biża’. Huma talbu anke l-protezzjoni tal-Pulizija.

L-ewwel ittra li bagħat kienet lil Dr Fenech Adami lura fl-2016.

Id-difiża qalet li r-raġel għadu preżunt innoċenti u li għandu jinħeles minħabba li huwa anzjan u għandu għadd ta’ kundizzjonijiet mediċi. Hu iżda nżamm arrestat.