Qorti
Anzjan ta’ 80 sena fil-Qorti akkużat li traskura lil martu li tinsab rikoverata l-isptar

Francis Galea ta’ 80 sena li jgħix il-Mosta ġie mixli fost l-oħrajn li ppermetta li martu Anne issofri uġigħ fiżiku jew tbatija mentali mhux ġustifikata bil-konsegwenza li saret ħsara lil saħħitha. Fil-qorti, il-Pulizija spjegaw li l-mara tinsab għall-kura l-isptar. L-anzjan wieġeb mhux ħati. L-avukat difensur talbet għall-ħelsien mill-arrest u argumentat li l-akkużi kontra l-anzjan saru minn terzi persuni u rrimarkat ukoll dwar l-età tiegħu.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest minħabba intralċ tal-provi. Il-Pulizija argumentaw li parti sostanzjali mill-evidenza hi sostanzjata mit-tobba.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech laqgħet it-talba biex l-anzjan ma jinżammx arrestat u imponiet numru ta’ kundizzjonijiet fosthom li irid jiffirma kuljum fl-għassa tal-pulizija, u ordnatlu li ma jkellem lil ħadd mill-qraba tiegħu, la min-naħa tal-mara u lanqas tiegħu. Intalab jagħmel depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €15,000. Il-qorti ordnat għall-protezzjoni ta’ martu u l-familjari tagħha.

L-avukata Roberta Bonello dehret għall-anzjan.