Qorti
Anzjan ta’ 88 sena jikser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposta mill-Qorti

Il-Pulizija ressqet lil Paolo Mercieca ta’ 88 sena quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali wara li f’Lulju li għadda kiser kundizzjoni tal-ħelsien mill-arrest imposta mill-Qorti.

Il-każ ta’ Mercieca jmur lura għall-2019 meta fuq argument dwar parkeġġ mal-ġar tiegħu, prova jisparalu b’arma.

Wara li spiċċaw l-għassa fuq argument u ħsara fuq vettura fi Triq is-Salib, fix-Xewkija fuq parkeġġ li l-anzjan dehrlu li hu bi dritt tiegħu, il-vittma Stephen Mike Cauchi ddeċieda li ma jipproċedix bil-Qorti għaliex qal kellu relazzjoni tajba mal-familja Mercieca. L-anzjan wara sejjaħ lil Cauchi biex jirranġaw l-affarijiet bejniethom, ħareġ pistola u ppuntaha ma’ ras Cauchi. B’xorti tajba, Cauchi leħaq tbaxxa qabel l-anzjan sparalu.

Mercieca kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet imposti mill-Qorti iżda filmati meħuda mis-CCTV tal-familja Cauchi, juru li kisirhom għaliex tkellem ma’ wħud mix-xhieda tal-każ; ma’ ħuh u n-neputija tiegħu li jgħixu fl-istess triq.

Għaldaqstant, il-Pulizija talbet il-Qorti tal-Appell Kriminali sabiex tirrevoka l-ħelsien mill-arrest u tordna l-arrest mill-ġdid ta’ Mercieca kif ukoll tordna li jħallas il-garanzija personali.

Il-Qorti qalet li l-Prosekuzzjoni ma rnexxilex tipprova li Mercieca kiser il-kundizzjoni dwar xħin kellu jkun id-dar. Hi sabitu ħati biss li kiser il-kundizzjoni li ma jkellimx jew javviċina lix-xhieda tal-prosekuzzjoni jew lill-familjari tagħhom.
Għaldaqstant il-Qorti mmlutatu €250 u ordnatlu jmur jgħix f’residenza oħra ‘l bogħod mix-xhieda u mill-familja Cauchi.

Intant il-Qorti ordnat li din is-sentenza tiġi notifikata lill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza sabiex jiġu kkusidrati emendi biex il-Qrati jkollhom diskrezzjoni x’piena japplikaw u għalhekk il-Qrati jkunu jistgħu jagħtu piena skont il-gravità ta’ ksur tal-kundizzjoni tal-ħelsien mill-arrest.