Lokali
Anzjana ta’ 101 sena timmissja li l-vara ta’ Santa Marija ma ħarġitx

Sitt lokalitajiet f’Malta u oħra f’Għawdex fakkru l-festa ta’ Santa Marija, il-qaddisa padruna speċjali tal-gżejjer Maltin. Din is-sena l-festa ta’ Santa Marija hi totalment differenti is-snin ta’ qabel minħabba l-miżuri u r-restrizzjonijiet tal-coronavirus. Fil-lokalitajiet kollha saret il-quddiesa tal-festa ta’ Marija mtellgħa s-sema, skont il-miżuri ta’ distanza soċjali u prevenzjoni. F’Ħ’Attard TVM iltaqa’ ma’ anzjana ta’ 101 sena li qalet li qed tħoss in-nuqqas tal-festa.

Il-festa ta’ Santa Marija tigi ċċelebrata fil-Mosta, Ħ’Attard, Gudja, Ħal Għaxaq, Qrendi, Mqabba u r-Rabat Għawdex. Izda l-pandemija tal-coronavirus din is-sena harbtet il-pjani tal-festi. Il-Viċi Kappillan tal-Parroċċa ta’ Ħ’Attard, Dun Andrew Schembri, qal li l-festa tal-Assunta tfisser tama, u bħalma Marija għaddiet minn ħafna f’ħajjitha u ċċettat is-sejħa t’Alla mingħajr ma qatgħet qalbha, hekk il-bniedem irid ikompli jemmen fit-tama anke f’dan iż-żmien ta’ pandemija.

“F’dan il-mument partikulari fejn bħalissa din il-pandemija ħaditilna l-enerġija kollha. B’mod personali meta niftakar f’dan it-taqlib kollu, sibt konsolazzjoni fi sbuħija ta’ din ix-xbieha tant għażiża li aħna nqimu ġewwa Ħ’Attard. Is-sbuħija ta’ wiċċha tfakkarna fi sbuħija li hemm fil-qalb ta’ kull bniedem. Alla f’ħajjitna jpoġġi din is-sbuħija li nagħmlu ħażin jekk insakkruha ġo fina u ma ngħixhuiex fid-dinja.”

Rita Pisani, ix-xahar id-dieħel tagħlaq 101. Twieldet u għexet f’Ħ’Attard. Kull sena tistenna l-istatwa ta’ Santa Marija tgħaddi minn quddiemha. Dis-sena se tibqa’ bil-piena li ma rahthiex. “Kienet tieqaf hawn. Nitla’ fil-gallarija. Is-sena l-oħra għedtilhom xħin rawni fil-gallarija għax kienu jistennewni noħroġ barra u waqfu u għedtilhom iva dawwruhieli ħa nara naqra wiċċha sewwa u dawwruhieli u tant fraħt li lin-nies bdejt ngħidilhom ċapċpu iva mela jien biss se nċapċpilha lill-Madonna?!. Dik li kienet tiġi quddiemi kienet tkun il-festa tiegħi.”

Għalkemm Rita tiftakar sew il-gwerra u minn xiex għaddiet il-familja tagħha, fi kliemha din il-pandemija qed tkiddha wisq. “Qed tkiddni jien il-pandemija għax ma nistax noħroġ, ma nistax immur il-Knisja, imkien. Ara kemm ilni msakkra hawn ġew. U jien kont waħda minn dawk li nħobb noħroġ ta ma noqgħodx naħbi, kont noħroġ mal-ħbieb iva għax kont daqsxejn fuq tiegħi.”

Fil-Gudja u Ħal Għaxaq ukoll ġiet iċċelebrata l-quddiesa fil-parroċċi, u l-festa ta’ Marija mtellgħa s-sema tfakkret bl-aħjar mod possibbli fiċ-ċirkostanzi tal-pandemija u l-miżuri li nħarġu mill-awtoritajiet.