Lokali
App ġdida għal titjib fil-prattiċi tas-saħħa u s-sigurtà fil-kostruzzjoni

Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, 185 persuna li jaħdmu fl-industrija tal-kostuzzjoni weġġgħu fuq il-lant tax-xogħol. Dawn jirrappreżentaw 16.7% tal-inċidenti kollha fuq il-post tax-xogħol.

Patrick Parnis żviluppa l-app HSEQutiv bit-tama li dawn l-inċidenti jkomplu jonqsu. Qal li għalkemm l-industrija għamlet passi kbar ‘il quddiem fit-twettieq tar-regolamenti tas-saħħa u s-sigurtà, għad hemm nuqqasijiet ripetuti li jekk jitħallew għaddejjin jaf iwasslu għal inċidenti serji, saħansitra mwiet. Is-Sur Parnis qal li l-app tintroduċi metodu standard għal spezzjonijiet ta’ konformità ta’ saħħa u sigurtà u kif jinħarġu rapporti u talbiet għal azzjoni.

Huwa qal li “din is-sistema qed tgħaddi u qed tibgħat dawn ir-rapporti direttament minn fuq is-sit. M’għandix għalfejn immur l-uffiċju nikteb dawn ir-rapporti biex ngħaddihom lill-klijent”.

L-app tiproċessa l-informazzjoni b’mod kompjuterizzat skont lista ta’ kriterji stipulati mill-awtoritajiet tas-saħħa u s-sigurtà. Is-Sur Parnis wera t-tama li b’hekk tonqos il-possibiltà ta’ żbalji umani waqt il-fażijiet kollha tal-proġett.

Qal li din “hija cloud-based solution, fejn inti qed tagħmel l-ispezzjoni qed tieħu r-ritratti minn fuq is-sit, qiegħed imqabbad mal-internet, dak il-ħin tieħu r-ritratti li hemm bżonn, tasal fl-aħħar tac-checklist u tibgħatha”.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, David Xuereb qal li l-industrija tal-kostruzzjoni f’Malta għandha bżonn doża qawwija ta’ regolamentazzjoni u titjib fir-reputazzjoni. Żied jgħid li hu inkoraġġanti li l-operaturi fl-industrija stess qed jaħdmu biex itejbu ħidmithom.