Apparat diġitali jssaħħaħ il-komunikazzjoni ta’ tfal bl-awtiżmu

Wieħed minn kull tnejn u ħamsin wild f’pajjiżna huma suġġett għall-awtiżmu. Tfal b’din il-kundizzjoni jiffaċċjaw għadd ta’ sfidi partikularment fil-ħiliet soċjali, imġieba ripettitiva u sfidi oħra marbuta ma’ komunikazzjoni li mhux neċessarjament marbuta ma’ dik verbali. Bla dubju, l-ġenituri tal-istess tfal wkoll ikunu involuti f’dawn l-isfidi u għalhekk jagħmlu sagrifiċċji kbar bit-tama li jiffaċilitaw il-ħajja ta’ uliedhom bl-aħjar mod possibbli.

Mistiedna waqt Popolin Valerie Brincat, esperta fl-awtiżmu u Uffiċjal tal-Assoċjazzjoni Maltija Għall-Awtiżmu stqarret li ma jeżistix ammont uffiċċjali ta’ kemm hawn persuni bl-awtiżmu f’pajjiżna. Hija qalet li għad hawn min jagħżel li ma jirreġistrax lil uliedu bħala persuni li għandhom din il-forma ta’ diżabilità. “Hawn min jagħżel hekk għaliex jara li t-tfal xorta huma kapaċi u indipendenti, filwaqt li oħrajn għax ma jkunux iridu jagħtu dak it-timbru lil uliedhom”. Brincat spjegat li llum il-ġurnata jeżistu diversi forom ta’ teknoloġija li jgħinu lil persuni b’din il-kundizzjoni. Fil-fatt qabel ma jingħata device partikolari jsir assessjar biex jiġi analizzat liema apparat huwa ideali skond il-bżonnijiet li jkollha dik il-persuna partikolari.  “l-awtiżmu hija kundizzjoni kumplessa, għalhekk dak li jkun irid jaddatta ruħu skond is-sitwazzjoni”.

F’każijiet ta’ persuni bl-awtiżmu li huma non-verbali, l-kommunikazzjoni tista’ ssir permezz ta’ dan l-apparat għaliex bih qegħdin jingħataw vuċi biex jesprimu l-emozzjonijiet, ix-xewqat u l-ħsibijiet tagħhom.

Tkellimna mal-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca li spjegat kif permezz tal-Malta Trust Foundation qed tingħata assistenza kruċjali lil tfal u żgħażagħ fl-ispettru tal-awtiżmu jew neqsin mid-dawl. Sa issa tqassmu l-fuq minn tmenin apparat li swew lil Fondazzjoni kwart ta’ miljun ewro. Hija qalet li l-proċess biex persuna tingħata apparat ta’ assistenza huwa wieħed twil għaliex trid issir evalwazzjoni tal-ħtiġijiet teknoloġiċi tal-persuna. “Dawn il-persuni għandhom id-dritt għal dan l-apparat, għaliex il-konvenzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal tindika li kull tifel u tifla għandu jkollha aċċess għall-edukazzjoni. Din l-assistenza qed tippermetti li jgħixu ħajja normali bħal kull wieħed u waħda minna. Permezz ta’ dan l-apparat qed jirnexxielhom jiksbu ħiliet ġodda filwaqt li jesprimu ruħhom aktar faċilment, kultant anke biex jindikaw bżonn bażiku bħal x’jixtiequ jieklu” tenniet il-President Emeritus.

Għalhekk l-assistenza mogħtija minn din il-Fondazzjoni hija fundamentali biex il-kwalità tal-ħajja ta’ dawn it-tfal u żgħażagħ tinbidel għall-aħjar.