Appell għal użu aktar meqjus tal-ikel
Kważi kwart tal-ikel kollu li jinxtara f’Malta qed jispiċċa jintrema.
Il-kumpanija Wasteserv qed torganizza kampanja biex tħeġġeġ xiri u konsum aktar għaqli bil-għan li tonqos il-ħela.
Krew miċ-ċentru tal-aħbarijiet żar l-impjant għat-trattament tal-iskart f’Wied il-Għajn fejn qed isiru sessjonijiet edukattivi fost it-tfal biex jintlaħaq dan l-għan.
Ftit huma konxji dwar l-ammonti kbar ta’ ikel li nikkunsmaw.Skont ċifri tal-NSO, bħala medja kull persuna tonfoq €26 għal ftit aktar minn 12-il kilogramm ta’ ikel fil-ġimgħa.
Aktar minn ħames Ewro minnhom jinteremew.Għadd ta’ proġetti kkordinati mill-WasteServe għandhom l-għan li jżidu l-għarfien dwar il-ħela tal-ikel; b’aċċenn fuq l-użu u għażliet aktar għaqlija waqt ix-xiri u l-konsum tal-ikel.
Tfal mill-iskejjel attendew għall-taħdidiet ta’ informazzjoni fl-impjant tat-trattament tal-iskart f’Wied il-Għajn.
F’inizjattiva finanzjata b’fondi tal-Unjoni Ewropea, waqt is-sessjonijiet jingħataw pariri biex jevitaw il-ħela u dwar x’għandhom jagħmlu bl-ammonti żejda ta’ ikel u xorb.
Il-Ministru għall-iżvilupp sostennibbli u l-ambjent Leo Brincat qal li l-Waste Serv qed isservi ta’ mutur u katalista biex jintlaħqu standards konformi mal-għanijiet tal-Unjoni Ewropea.