Saħħa
Appell biex dis-sena kulħadd jitlaqqam kontra l-influwenza

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne appella biex kulħadd jitlaqqam kontra l-influwenza meta l-vaċċin ikun disponibbli f’Ottubru li ġej.

Waqt konferenza stampa li matulha ħabbar l-għoti b’xejn ta’ tilqima ġdida kontra l-pulmonite lit-trabi, Dr Fearne qal li marda infettiva ġġib lill-oħra, u għalhekk huwa importanti li jiġi użat it-tilqim li jeżisti, speċjalment fis-sitwazzjoni tal-Covid-19.

Qal li huwa ta’ sodisfazzjon li 98% tal-poplu Malti huwa mlaqqam, iżda qal li din ir-rata naqset fl-aħħar xahrejn minħabba l-Covid-19.

Dr Fearne qal li r-rata ġenerali ta’ tilqim f’Malta naqset b’25% u dik tal-MMR naqset saħansitra b’50%.

Qal li t-tilqim naqas għax ħafna tobba kellhom inaqqsu kemm jesponu lilhom infushom biex ma jpoġġux f’riskju pazjenti fil-komunità. It-tilqim għal ġoċ-ċentri tas-saħħa wkoll naqas u baqa’ jsir biss tal-Floriana, Mosta u Għawdex.

Mit-Tnejn iżda ħa jerġa’ jibda jingħata t-tilqim miċ-ċentri tas-saħħa kollha, anki kif tħabbar ilbieraħ.

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: It-tilqima kontra l-pulmonite se tingħata b’xejn – tiswa €200