Relazzjonijiet Industrijali
Appell biex il-bdoti tal-Air Malta jimxu fuq il-passi tal-cabin crew

Il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri, appella lill-bdoti tal-Air Malta biex jimxu fuq il-passi tal-cabin crew, li fi kliemu għamlu sagrifiċċji kbar meta aċċettaw ftehim kollettiv ġdid, li bih ser jitħallsu skont is-sigħat li jaħdmu u bis-saħħa t’hekk ġie evitat li l-AirMalta tkeċċi uħud minnhom.

Iffirmat ftehim kollettiv ġdid bejn it-tmexxija tal-AirMalta u l-union tal-cabin crew, wara li lbieraħ il-ħaddiema approvaw il-ftehim li bih tħassar dak li sar fl-2016 bil-ħaddiema jaċċettaw tnaqqis fis-salarji biex ġew evitati s-sensji.

Waqt l-iffirmar tal-ftehim bejn iċ-Chairman tal-AirMalta, Charles Mangion, u c-Chairman tal-Union tal-Cabin Crew, Gordon Amato, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li b’dan il-ftehim qed jinqatgħu dawk li sejjaħ il-ktajjen li kellha l-kumpanija bil-ftehim ta’ qabel, li ma baqax jagħmel sens fis-sitwazzjoni li żviluppat fl-avjazzjoni minħabba l-pandemija.

Il-Ministru radd ħajr lill-ħaddiema li fehmu d-diffikultajiet tal-kumpanija li tilfet id-dħul kollu kawża tal-COVID-19. Qal li dan mhux żmien li wieħed jara x’se jiggwadanja iżda li l-kumpanija ssalva din l-isfida ekonomika li falliet bosta linji tal-ajru.

Il-ftehim kollettiv ikopri sal-aħħar tal-2022, u bih l-ebda impieg mhu se jintilef. “Minflok naqqasna l-ħaddiema biex inżommu dawk li hemm bżonn biex topera 3 ajruplani, il-ħaddiema ntlaħaq ftehim magħhom biex kulħadd jissagrifika numru ta’ sigħat, kulħadd jibqa’ fuq il-kotba tal-kumpanija u jitħallas tas-sigħat li qed jaħdmu.”

Il-Ministru Schembri ddeskriva l-ftehim bħala pass eqreb lejn ir-rebħa tas-sens komun. Qal li jonqos issa l-bdoti li jifmhu s-sitwazzjoni.

“Jekk nagħlqu mal-bdoti persważ li inkunu kompettivi, nistgħu nidħlu fis-swieq ġodda li jippermetti l-AirMalta li titla’ b’pass aktar mgħaġġel għal numru akbar ta’ ajruplani u hemm jiżdiedu s-sigħat tal haddiema kollha, u kif jimtlew s-sigħat tal-ħaddiema b’kuntratt indefinit ngħaddu għall-ħaddiema b’kuntratt definit u lilhom ukoll nibdew intuhom is-sigħat tax-xogħol,” qal il-Ministru Schembri.

Iċ-Chairman tal-Airmalta, Charles Mangion, qal li minn issa, il-prestazzjoni fuq ix-xogħol tassigura il-paga lill-ħaddiema waqt li t-tmexxija hi obbligata li toħloq ix-xogħol. Żied li l-linja tal-ajru qed tlesti pjani biex kif tkun tista’ ttir lejn pajjiżi oħra u biex tirreaġixxi malajr għaċ-ċirkustanzi li jinbidlu la jerġgħu jibdew it-titjiriet kummerċjali.

Ara wkoll:

64% tal-membri tal-ekwipaġġ tal-Air Malta jivvutaw favur il-ftehim kollettiv ġdid

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Maħżen tal-festa nbidel fi klassi fi proġett biex il-prattika ta’ snajja tradizzjonali li jispikkaw fil-festi Maltin tintiret u ma tmutx. Il-proġett tmexxa mill-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija ta’ Ħal Luqa, li…

Infrastruttura

Inkonvenjent li ilu snin jurta lill-Birżebbuġin se jiġi indirizzat bi proġett li Infrastructure Malta qalet se tibda fi tmiem dan is-sajf. Il-proġett hu maħsub li jtaffi l-problema tal-għargħar, ikkawżata mill-baħar…

Lokali

Mil-lejla bdew jiġu organizzati l-pellegrinaġġi fl-okkażjoni tal-festi tal-ibliet u l-irħula li se jibqgħu għaddejjin sat-8 ta’ Diċembru meta tiġi ċċelebrata l-Kunċizzjoni f’Bormla. Illejla, tliet lokalitajiet qed jorganizzaw dawn il-pellegrinaġġi: Ħal…

Tradizzjonijiet

Jumejn ‘il bogħod mill-Jum Internazzjonali tal-Bizzilla, grupp ta’ persuni nġabru fil-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija, fil-Palazz tal-Inkwizitur il-Birgu, biex jaħdmu bizzilla tradizzjonali Maltija. Jekk hemm xi impressjoni li l-arti tradizzjonali tal-bizzilla qed…

Aktar